Taħrab b’binha ta’ 3 snin; kellha tixhed f’Qorti f’Londra

Omm ħarbet ma’ binha ftit ġimgħat qabel ma hi kellha tixhed fil-Qorti fir-Renju Unit.

Ellie Yarrow-Sanders ta’ 26 sena għebet ma’ binha Olly Sheridan madwar sitt xhur ilu. Hi kitbet ittra li bħalissa qed iddur fuq il-midja soċjali fejn tispjega li ma kellha l-ebda għażla ħlied li taħrab.

Fl-ittra qalet li dan huwa l-mod tagħha ta’ kif tispjega r-raġuni għal dak li qed tagħmel. Insistiet li dan kien l-unika mod kif Olly qatt seta’ jkollu futur li fih kien ikun hemm ommu. Qalet lil familtha sabiex ma jinkwetawx għaliha u għal binha u sostniet li qatt ma se tħalli xejn jikkawża ħsara lil binha.

Sostniet li qed tibża’ li Olly se jitteħdilha u insistiet li lil binha tħobbu u mhux se tħalli li dan isir. L-eks raġel tagħha, Patrick Sheridan ta’ 45 sena reġa’ appella għal aktar informazzjoni. Hu qed jitlobha sabiex tħalli lil Olly jkollu ħajja normali u mhux ħajja jaħrab min-nies.

Olly jinsab fiċ-ċentru ta’ argument bejn iż-żewġ ġenituri separati. Intant il-Maġistrat li qed jisma’ l-każ fil-Qorti ta’ Londra sostna li jinsab inkwetat ħafna bis-sitwazzjoni. Minkejja li għall-ewwel is-smigħ tal-każ kien qed isir fil-magħluq, u l-midja ma kellhiex aċċess għall-każ, issa l-każ infetaħ għall-pubbliku sabiex tinstab l-omm maħruba.

Il-missier sostna li qed jittama li Yarrow-Sanders tara ftit sens u terġa’ lura. Irrimarka li t-tifel għandu bżonn iż-żewġ ġenituri tiegħu u mhux jagħmel ħajtu jgħix maħrub.