Taħlita ta’ lekċers online u fil-klassi għall-istudenti universitarji minn Ottubru

Read in English.

L-Università qiegħda tikkunsidra li jkollha taħlita ta’ lekċers online u fl-Università stess fis-sena akkademika li ġejja.

Dan ġie kkonfermat ma’ Newsbook.com.mt issa li l-każijiet tal-coronavirus qegħdin jiżdiedu u anke t-tħassib tal-ġenituri u l-istudenti fuq kif se tiffunzjona l-iskola fl-eqqel ta’ pandemija.

Kelliema għall-Università ta’ Malta qalet lil Newsbook.com.mt li kemm l-Università, kif ukoll G. F. Abela Junior College għandhom l-intenzjoni li f’Ottubru jerġgħu jibdew bil-lekċers, u jistiednu lill-istudenti lura fil-klassijiet, fil-laboratorji u spazji oħra ta’ tagħlim.

Fil-każ ta’ klassijiet kbar, l-istudenti se jinqasmu fi gruppi żgħar, fejn grupp ikun fil-klassi u grupp ieħor isegwi l-lekċer online. Il-gruppi jbiddlu kull ġimgħa, biex l-istudenti kollha jattendu l-istess numru ta’ lekċers online u fil-klassi. Il-grupp ta’ ġol-klassi jkun jista’ jiltaqa’ ma’ sħabu u mal-lekċerers u jipparteċipa fit-tagħlim waqt li jevita l-ġemgħat.

Jekk il-lekċers ikomplu minn Ottubru, se jkun hemm linji gwida ta’ sigurtà bħall-ilbies ta’ maskri u tbegħid bejn in-nies, ikkonfermat il-kelliema.

Sors separat informa lil Newsbook.com.mt li r-Rettur tal-Università bagħat ittra lill-akkademiċi li fiha kkonferma d-dettalji u l-proċeduri msemmijin. Huwa ddeskriva s-sistema ta’ tidwir tal-gruppi bħala P-R system (P – physical presence; R – remote teaching using virtual platforms), u fiehem li din is-sistema se tiġi addottata biss fejn ikun hemm bżonn minħabba nuqqas ta’ spazju.

Fl-ittra, huwa spjega wkoll li l-lekċerers ikollhom jieħdu l-laptop tagħhom magħhom u anke sett personali ta’ headphones b’mikrofonu sabiex l-istudenti jkunu jistgħu jisimgħu sew.