“Tagħmlux xogħol tal-kompjuter” – L-MUMN b’direttiva għall-infermiera u l-qwiebel

L-Unjin tal-Infermiera u l-Qwiebel f’Malta (MUMN) qiegħda teskala d-direttivi tagħha billi qed titlob lill-infermiera u l-qwiebel sabiex mill-31 ta’ Mejju mis-7am ‘l hemm, ma jagħmlux xogħol tal-kompjuter, peress li dawn mhumiex jiġu rrispettati.

Fi stqarrija, l-MUMN insistiet li xogħol l-infermiera u l-qwiebel mhux jiġi rikonoxxut. Filwaqt li f’entitajiet bħar-residenza San Vinċenz de Paule, oġġetti DDA jinġiebu mill-impjegati tal-farmaċewtika, fl-Isptar Mater Dei, l-infermiera u l-qwiebel ikollhom jieħdu l-oġġetti huma stess.

Għaldaqstant, l-MUMN qalet lill-infermiera u l-qwiebel tal-iskali kollha sabiex ma jagħmlu l-ebda xogħol relatat mal-kompjuter fil-31 ta’ Mejju mis-7am ‘il quddiem. Wissiet lill-membri tagħha sabiex ma jagħtux informazzjoni lis-segretarji meta l-maniġers jippruvaw jużaw lil dawn biex jiksru l-istrajk tal-infermiera u l-qwiebel.