Tagħmel ħwejjeġ għall-okkażjoni mill-boroż tal-iskart

Ritratt: InstaGram

Iż-żagħżugħa Amber Scholl tagħmel ħwejjeġ sbieħ għall-okkażjoni li wħud minnhom tagħmilhom mill-boroż tal-iskart. It-tfajla għandha aktar minn tliet miljun ruħ li jsegwuha fuq YouTube u joqogħdu fuq il-kelma tagħha li bi ftit flus tista’ tagħmel libsa sabiħa li biha tbellah lil kulħadd.

Scholl, minn Kalifornja fl-Istati Uniti, qalet li fi ċkunitha dejjem ma kellhiex flus fil-but għalhekk tgħallmet kif ikollha lbies sabiħ bla ma tonfoq flus, bħal pereżempju tuża l-boroż tal-iskart. Din il-ħaġa għallmitha li bi ftit tal-ħsieb jista’ jkollha libsa b’dehra lussuża mingħajr ma tiftaqar aktar milli kienet fqira. Il-libsa tagħha tant intogħġbot li fuq YouTube kellha aktar minn tmien miljun view.

Bosta segwaċi tagħha talbuha biex tagħmel vidjo kif għamlet il-libsa u Scholl malajr laqgħet talbithom. Hija qalet li meta qalulha ‘tidher bħaż-żibel’ ħadet it-tagħjira biex għamlet libsa mill-boroż taż-żibel u b’hekk urithom kemm kellhom raġun għax spiċċaw jammiraw libsa ‘taż-żibel’.

Matul il-vidjo it-teenager uriet il-proċess kollu sakemm lestiet il-libsa: mix-xiri tal-oġġetti mill-ħwienet sa meta ħietet l-istess libsa. Is-segwaċi tagħha mlewha bil-prosit u Scholl stqarret li ħassitha mfaħħra żżejjed għal dak li għamlet. Xi ħadd kiteb li anki jekk Amber tilbes borża taż-żibel, xorta tidher bomba!

Scholl tgħid li għamlet il-libsa mhux l-aktar biex tobdi x-xewqat tas-segwaċi tagħha imma biex turi li n-nies jistgħu jkunu kreattivi u jagħmlu l-ilbies bla ma jonfqu żżejjed.