Tagħlim online? Niddiskutu mal-unjins – Il-Ministru Bonnici

Il-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici qal li għalissa m’hemmx lok li jingħalqu l-iskejjel. Żied jgħid li dwar il-possibilità ta’ tagħlim online se jkun qed jiddiskuti mal-unjins, li minn naħa tagħhom irid ikun hemm direzzjoni.

Il-Ministru Bonnici kien qed iwieġeb għall-mistoqsijiet tal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia li stqarr li bħala missier iħossu preokkupat bis-sitwazzjoni preżenti.

Hu staqsa jekk il-Ministeru tiegħu jkunx involut fil-laqgħat li jsiru mad-Dipartiment tas-Saħħa, jekk hemmx pjanijiet li jibdew jiġu ttestjati l-istudenti inkluż ittestjar minħabba li dawn jistgħu jkunu vejikoli biex ikun trażmess il-virus, u jekk hemmx pjanijiet ta’  tagħlim alternattiv meta l-iskejjel jew jingħalqu.

Il-Ministru Bonnici qal li lbieraħ fil-Parlament stess, il-Gvern ta risposta fejn kien spjegat li qed jittieħdu l-prekawzjonijiet kollha fejn s’issa kull każ jirriżulta li kien impurtat.  Fisser li l-persuni affettwati kollha obdew l-istruzzjonijiet mogħtija mid-dipartiment tas-Saħħa u li s’issa m’hemmx każi ta’ tixrid tal-virus.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni qal li s’issa m’hemmx lok li l-iskejjel jingħalqu u saħaq li l-Maltin li ġew mill-pajjiżi imsemmija mill-Prim Ministru fejn ingħalaq l-aċċess għalihom permezz tal-arju, għandhom jagħmlu kwarantina.

Il-Ministru Bonnici spjega li jekk iċ-ċirkostanzi jinbidlu hemm numru ta’ miżuri x’wieħed jieħu. Hu spjega li kien hemm pajjiżi li għalqu xi skejjel u oħrajn li għalqu l-iskejjel kollha.