Tagħlaq spiżerija għal jumejn wara li ħaddiem marad bil-coronavirus

Miguela Xuereb

Spiżerija f’Ħal Balzan għalqet il-bibien tagħha għal jumejn fi prekawzjoni wara li ħaddiem marad bil-coronavirus.

Fuq Facebook, is-Sindku ta’ Ħal Balzan qal li kien f’kuntatt ma’ rappreżentanta tal-ispiżerija li qalet li ttieħdu l-prekawzjonijiet kollha biex tiġi assigurata s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema u l-klijenti tal-ispiżerija.

Is-Sindku Ian Spiteri (PN) kiteb li r-rappreżentanta qalet li ttieħed parir professjonali dwar x’għandu jsir. Il-ħaddiema li kellhom kuntatt fil-qrib mal-ħaddiem li ttestja pożittiv issa qegħdin fi kwarantina.

L-ispiżerija kienet magħluqa bejn il-Ħamis u l-Ġimgħa biex issir fumigazzjoni.

Intqal ukoll li l-ispiżerija implimentat proċessi biex tiġi assigurata s-saħħa tal-klijenti. Dawn jinkludu l-użu ta’ screens tal-perspex u t-tindif tal-uċuħ bl-alcohol.

L-ispiżerija għandha terġa’ tiftaħ bħas-soltu minn għada.

Illum l-awtoritajiet tas-saħħa ħabbru li Malta rreġistrat 11-il każ ġdid f’Malta. B’hekk it-total tela’ għal 64 każ.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn