Tagħlaq sninha Claudia Faniello

Ritratt: Kris Micallef

Il-kantanta Claudia Faniello illum qed tiċċelebra għeluq it-32 sena tagħha. Twieldet bħal-lum fl-1988. Hija bint Anna Faniello li rajna fl-ewwel edizzjoni ta’ X Factor Malta. Ħuha huwa l-kantant Fabrizio u għandhom oħthom, Miriana.

Kien meta kellha 12-il sena li Claudia bdiet tidher fuq it-televiżjoni u tipparteċipa f’bosta festivals, fosthom it-Talentissima Juniors tal-2001. Kienet rebħet din l-edizzjoni u kompliet miexja ‘l quddiem.

Fl-2005 Claudia ħadet sehem fit-talent show Hotspot fuq l-istazzjon Net u fis-sena ta‘ wara bdiet tipparteċipa fil-Malta Song For Europe fejn rebħet l-unur tal-Best Newcomer bil-prestazzjoni tagħha ta‘ High Alert.

Fl-2006 rebħet il-Konkors Kanzunetta Indipendenza bil-kanzunetta Ma Nafx.

Fis-snin ta‘ wara Claudia baqgħet tieħu sehem fil-Malta Song for Europe b’kanzunetti bħal L-Imħabba Għamja, Caravaggio, Sunrise, Blue Sonata, Samsara, Movie in my mind u Pure.

L-ewwel album tagħha Convincingly Better ħarġitu fl-2010.

Fl-2017 rebħet il-Malta Eurovision Song Contest bil-kanzunetta Breathlessly u f’Awwissu tal-2019 ħarġet is-single Fallin’.

F’Diċembru li għadda Claudia Faniello ggradwat u kisbet id-diploma fil-Facilitating Inclusive Education fl-Università ta’ Malta.

Awguri Claudia f’dan il-jum speċjali.