Tagħlaq skola fi Spanja wara każijiet ta’ Covid-19 fost l-għalliema

May 26, 2020. REUTERS/Sergio Perez

L-awtoritajiet Spanjoli għalqu skola primarja fir-reġjun Bask wara li diversi għalliema ttestjaw pożittivi għall-COVID-19, l-ewwel waħda li ngħalqet kompletament wara li t-tfal reġgħu lura wara l-bankijiet tal-klassi madwar il-pajiż. 

It-tfal bdew deħlin lura l-iskola l-ġimgħa li għaddiet wara sitt xhur barra, fost sentimenti mħallta ta’ kuraġġ iżda wkoll tħassib dwar aktar infezzjonijiet fl-aktar pajjiż milqut fl-Ewropa tal-Punent.

Il-Gvern kien ikkritikat mill-unjins tal-għalliema u minn gruppi tal-ġenituri li ħalla l-pjanijiet dwar is-saħħa u s-sigurtà għall-aħħar minuta, iżda l-Ministru tal-Edukazzjoni Isabel Celaa qalet li dan il-proċess ta’ ftuħ tal-iskejjel mar tajjeb ħafna, bi ftit każijiet biss fi ftit għexieren ta’ skejjel.

“Fil-pajjiż hawn 28,600 skola, u s’issa kellna xi inċident f’53”, qalet fuq l-istazzjon nazzjonali TVE. “Dan ifisser li l-maniġment tal-iskejjel u l-persunal amministrattiv wettqu ħidma spettakolari”.

Ftit klassijiet individwali ntbagħtu d-dar u gruppi żgħar ta’ għalliema ntalbu jibqgħu fi kwarantina aktar kmieni din il-ġimgħa iżda l-Iskola Primarja ta’ Zaldibar ngħalqet kompletament.

Kelliema għall-gvern reġjonali ma kkonfermatx kemm instabu każijiet fost l-għalliema iżda qalet li l-persunal kollu se jiġi ttestjat.

Fl-aħħar 24 siegħa, Spanja rrappurtat 4,137 każ ġdid, għal total ta’ 554,143, progress fuq l-aktar minn 10,000 każ reġistrat bħal-lum ġimgħa. Ilbieraħ tilfu ħajjithom 13-il persuna, għal total ta’ 29,699.

F’konferenza pubblika, il-Kap tal-Emerġenza tas-Saħħa Fernando Simon qal: “Fl-aħħar jiem jidher li kien hemm tnaqqis tal-imxija u jista’ jkun li s-sitwazzjoni qed tistabbilizza ruħha”, filwaqt li qal li l-każijiet kienu qed jonqsu f’nofs il-provinċji Spanjoli.