Tagħlaq il-kamra tan-nar f’Ħal Għaxaq

Il-kamra tan-nar tal-Għaqda Mużikali San Ġużepp f’Ħal Għaxaq ħabbret li għalqet il-kamra tan-nar tagħha fiż-żmien fejn qed tikber l-imxija tal-coronavirus.

Fuq Facebook hija qalet li “ttieħdet deċiżjoni diffiċli imma responsabbli” biex il-post jingħalaq minħabba s-sitwazzjoni preżenti. Il-membri qalu li jifhmu li f’dawn iz-żminijiet l-ewwel responsabbiltà hija lejn il-familji tagħhom. Spjegaw ukoll li ż-żmien tal-ħidma volontarja jerġa’ jiġi u żgur jerġgħu jkunu minn ta’ quddiem biex ipaxxu s-smewwiet fil-jiem tal-festi. Talbu lil San Ġużepp biex iħarishom f’dawn il-mumenti diffiċli.

Newsbook.com.mt huwa infurmat li din hija l-ewwel kamra tan-nar f’Malta li ħadet din id-deċiżjoni iżda mhux eskluz li jkun hemm oħrajn fil-jiem li ġejjin hekk kif l-awtoritajiet tas-saħħa qed ikomplu jisħqu biex kulħadd jibqa’ d-dar.

L-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech ilbieraħ ingħaqad mal-awtoritajiet tas-saħħa u f’filmat imqanqal sejjeħ lill-poplu ta’ Alla biex isegwi l-istruzzjonijiet biex jonqos it-tixrid tal-coronavirus.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn