Taf x’inhuma r-regoli biex tmur tagħti d-demm?

Jekk bi ħsiebek tmur tagħti d-demm, kemm jekk fi grupp u kemm jekk se tagħmel dan waħdek, ara li taċċerta li inti eliġibli li tagħmel dan.
Bil-mod il-mod, qed tidħol l-użanza li gruppi ta’ nies minn fuq il-post tax-xogħol jew xi għaqdiet jersqu biex jagħtu d-demm flimkien, att li s-Servizz tat-Trasfużjoni tad-Demm ddeskrivietu bħala wieħed pożittiv u li għandu jkompli jiġi nkoraġġut.
Għaldaqstant saħqet li huwa importanti li wieħed jinforma ruħu sew bir-regoli ta’ min jista’ jew ma jistax jagħti d-demm, pass li jista’ jifranka d-diżappunti.
X’inhuma dawn ir-regoli?

  • Jrid ikollok bejn 17 u 62 sena. Persuni ta’ 17-il sena jrid ikollhom permess mingħand il-ġenituri jew gwardjani tagħhom. Persuni li huma donaturi regolari jistgħu jagħmlu dan sa’ 68 sena.
  • Trid tkun tiżen tal-inqas 50kg.
  • Trid tieħu miegħek il-karta tal-identità, il-liċenzja tas-sewqan jew passaport Malti.
  • Nisa jisgħu jagħtu d-demm kull erba’ xhur; nisa li m’għadhomx għaddejja mill-menstruazzjoni jistgħu jagħmlu dan kull tliet xhur.
  • L-irġiel jistgħu jagħtu d-demm kull tliet xhur.
  • Ma tistax tkun issofri minn mard serju, jew jekk ikollok id-deni, uġigħ fil-griżmejn, jew sintomi tal-influwenza.
  • Jekk għadu kif kellek tarbija, għati ċans sa’ sitt xhur mit-twelid sakemm tmur tagħti d-demm.
  • Jekk għadek kemm għamilt xi tpinġija, jew misluta għati ċans sitt xhur.
  • Jekk se tagħmel xi eżamijiet, għati d-demm wara l-eżamijiet.
  • Jekk se ssiefer għati d-demm minn tal-inqas tliet ijiem qabel.

U wara li tagħti d-demm x’għandek tagħmel?

  • Ixrob ħafna.
  • Evita li tagħmel attività sportiva intensiva għal madwar tliet ijiem wara li tagħti d-demm.
  • Evita li tpejjep għall-ewwel sagħtejn wara li tagħti d-demm.

Jekk tixtieq tagħti d-demm fil-jiem li ġejjin, tista tagħmel dan minn dawn il-postijiet:

  • Fiċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm ta’ Gwardamanġa li jiftaħ kuljum mit-8am sas-6pm. 
  • Fil-Mobile Blood Donation Unit nhar il-Ħadd bejn it-8:30am u s-1pm quddiem il-Knisja Parrokkjali tal-Qawra. 
  • Fid-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex li nhar it-Tlieta 10 t’April se jkun disponibbli għad-donazzjonijiet tad-demm mis-1pm sal-5pm.