Taf x’inhu l-aktar ikel għoli fid-dinja?

Kont taf li ż-żagħfran (saffron) huwa wieħed mill-ħwawar ħomor l-aktar għoljin fid-dinja – jiswa aktar minn uqija deheb.
X’inhu dak li jagħmel dawn il-prodotti daqshekk għoljin?
U verament jiswew daqshekk? Jixirqilhom dak il-prezz? Ħa naraw xi ftit mill-aktar ikel u ingredjenti għoljin li jinsabu fuq il-pjaneta tagħna. Kemm minnhom ippruvajt  u doqt?
ŻAGĦFRAN

Jekk ir-ross li qed tiekol jixgħel bil-kulur isfar, mela allura jidher li kien qed jiġi msajjar biż-żagħfran li huwa mlaqqam ‘Deheb Aħmar’, għax ġej mill-kulur vividu tal-ħjut ħomor meħuda mlil-fjura ‘Crocus’.  Dan jintuża bħala kulur tajjeb għall-ikel. Allura għaliex din ix-xi ħaġa tant ċkejkna tiswa aktar mid-deheb? Ir-raġuni hija għax il-‘Crocus’ tagħmel il-fjura għal ġimgħa jew tnejn biss fis-sena, fil-ħarifa, u biex taqta’ l-fjura u tagħżel il-partijiet tagħha li minnhom isir iż- żagħfran hija biċċa xogħol intensiva ħafna, peress li dan kollu jsir bl-idejn. Kull fjura ikollha biss tliet ‘stigma’ (ħjut) li wieħed jista’ juża,  allura biex ikollok kilo ta’ żagħfran irid ikollok daqs żewġ stadji tal-futbol mimlija fjuri! Dan ifisser bejn wieħed u ieħor xi 300,000 fjura!!!
KAVJAR
Kavjar huwa l-bajd tal-istorjun (sturgeon fish), u huwa meqjus bħala wieħed mill-aktar ikel fin tad-dinja. Huwa xi ħaġa delikata u rari ħafna. L-aktar kavjar famuż huwa dak li ġej mil-istorjun Beluga, li tinsab fil-Baħar l-Iswed. Din l-ispeċi hija fil-periklu ta’ estinzjoni, ftit ħafna mil-bajd tagħha jista’ jinbiegħ legalment. Dan jieħu 20 sena biex jilħaq il-maturità u jsir adult. Rari ħafna aktar ukoll huwa l-bajd tal-isturjun Albino, jiġifieri abjad, li kważi huwa estint għalkollox. Skont il-Guinness World Records, l-aktar kavjar għoli huwa dak li ilu merfugħ 100 sena, ta’ storjun Albino, kavjar abjad, li nbiegħ għal madwar $34,500 kull kilo. Tgħid jinżillek għasel?
GAJDRIET (OYSTERS)

Illum dawn huma xi ħaġa ta’ lussu, ikel ta’ nies sinjuri ferm, imma mhux dejjem kienu hekk. Fis-seklu dsatax, il-gajdriet kienu irħas daqs il-patata ‘chips’ u kienu ikel importanti u sustanzjuz għall-ħaddiema li kienu jgħixu mal-kosta, kienu jittieklu bħall-pastizzi!! Imma peress li dan kien imfittex ħafna mis-sajjieda u minħabba t-tniġġis tal-baħar, kellu effett katastrofiku fuq il-gajdriet u permezz tal-iskarsità tagħhom, il-prezz ogħla ferm.  12-il gajdra ġo restorant eskwiżit f’Londra kapaċi jiswa £51! Apparti l-fatt li l-gajdra għandha kwalitajiet oħra, fejn tidħol il-ħajja sesswali tiegħek… allura attent ma’ min tmur tiekol!
WHITE TRUFFLE
Il-‘white truffle’ huma speċi ta’ faqqiegħ rari ħafna li jikber biss fir-reġjun ta’ fuq, tal-Italja, Piedmont. Jikbru biss qalb l-għeruq ta’ ċertu siġar, u huma rari ħafna aktar minn kull truffle ieħor li jeżisti, u għandhom togħma u aroma partikolari ħafna u intensa. Dawn ma tistax tikkultivahom jew tkabbarhom ġo qasrija, minkejja li ħafna ppruvaw. Jikbru biss fil-miftuh u fis-selvaġġ. Jeħtieġ ħafna sigħat ta’ ħidma biex wieħed jiġborhom. Huwa għalhekk li jiswew qatigħ.  Stanley Ho fl-2007 ħallas $330,000 għal waħda mil-akbar ‘white truffles’ li qatt kien hawn – tiżen 1.5 kilogramma. Meta tikkonsidra li din wara kollox hija faqqiegħ, donnok tiddarras tisma’ prezz eżorbitanti bħal dak!
PERŻUT MILL-IBERJA
Dan il-perżut fin huwa prodott ta’ Spanja u Portugall, wieħed mill-ifjen perżut ġej minn majjal mhux kultivat b’dieta ta’ ġandar (acorns) fl-aħħar perjodu ta’ ħajtu.
Dan it-tip ta’ perżut huwa magħruf bħala ‘black label’ u kkunsidrat bħala l-aqwa prodott ta’ ħnieżer mill-Iberja, perżut  ippriservat għal tliet snin sħaħ! F’Marzu tal-2016, skont il-Guinness World Records, xi ħadd ħallas £3,192.76  għal koxxa tal-majjal mil-Iberja! Verament tkun inqdejt mill-koxxa!
ĊANGA MINN WAGYU

Din iċ-ċanga  hija magħrufa bħala ċanga Ġappuniża, u tiġi minn erba’ razez ta’ baqar differenti, li jinsabu l-Ġappun.  Il-laħam tagħhom huwa mgħobbi bix-xaħam, li jinħall waqt it-tisjir, u b’hekk il-laħam jiġi tari, morbidu u jdub f’ħalqek. Xi wħud jiddeskrivu dan il-laħam taċ-ċanga bħallikieku biċċa ħuta fina. Il-prezz għoli ġej minn kif jiġu kkultivati dawn il-baqar, l-għoġol jingħata dieta speċjali biex irabbi xaħam meħtieġ. Din iċ-ċanga hija l-aktar waħda għolja fid-dinja, biex ma nsemmux il-Ġappun. Flus tajba tħallas għall-biċċa ċanga – mooooooo!
KAFÈ KOPI LUWAK

Teknikament din hija xarba… imma boroż ta’ Kafè Kopi Luwak li jinbiegħu $700 kull kilo, ċertament jitqiesu bħala l-ewwel fil-lista! Il-Kafè Kopi Luwak huwa żerriegħa tal-kafè mikula, iddiġestata u pporgata min qattus Asjan żibett. Ċertament apettitiv! Ħafna jemmnu li l-istonku tal-qattus itejjeb it-togħma tal-kafè. Dejjem araw minn fejn ġej il-kafè tagħkom! Fittex ftit qabel tixtri!
FWIED TAL-PAPRA JEW WIŻŻA
Il-fwied tal-papra jew wiżża li jkunu mħaxxna, huma għoljin fil-prezz. It-togħma bnina, delikata u rikka ġejja mid-dieta ta’ bilfors ta’ qamħ permezz ta’ tubi. Din il-prattika  hija użanza Eġizzjana li teħodna lura għal 2500 Qabel Kristu. Illum huma ħafna l-pajjiżi li jipprojbixxu dan il-prodott. U jagħmel sens! Povra papra!