Taf xi jfissru DOK, DOK Gozo jew IĠT?

Tnediet kampanja apposta għal dawk li jħobbu l-inbid, imma qatt ma indenjaw jiċċekkjaw xi jfissru eżatt is-siġill DOK, DOK Gozo jew IĠT Maltese Islands fuq il-fliexken li jikkunsmaw.
Wines of Distinction tnediet mis-Segretarjat Parlamentari għall-Biedja, u l-għam ewlieni hu li kemm il-popolazzjoni lokali, kif ukoll ir-residenti barranin li jgħixu f’Malta, jagħrfu d-dedikazzjoni u x-xogħol kollu li jsir biex inbid ta’ kwalità bħal DOK Malta, DOK Gozo u IGT Maltese Islands jasal fuq il-mejda tal-konsumatur.
Studju riċenti li sar mid-Direttorat tal-Agrikoltura jindika li filwaqt li ċ-ċertifikazzjoni DOK u IGT ilha f’pajjiżna għaxar snin, u minkejja li jidher li l-perċezzjoni dwar inbid lokali ta’ kwalità ħadet xejra pożittiva, huwa ċar li għad fadal il-bżonn li jkun hemm aktar għarfien dwar l-inbejjed u l-kwalità tagħhom.
Din l-inizjattiva, qal is-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri, saret wara taħditiet li kien hemm mal-produttri tal-inbid f’Malta sabiex jiġu mifhuma aħjar il-bżonnijiet tagħhom.
Id-Direttur tal-Agrikoltura, Saviour Debono Grech, spjega kif hemm ħafna xogħol u dedikazzjoni biex tintlaħaq din il-kwalità, kemm;

  • min-naħa tal-bidwi li jsegwi l-produzzjoni tal-għeneb tul is-sena kollha u jassigura li l-għeneb jilħaq kwalità għolja sakemm jinqata’,
  • min-naħa tal-għassara li jassiguraw illi dan l-għeneb jiġi maħdum f’inbid distint
  • min-naħa tal-uffiċjali tad-Direttorat li jsegwu u jiċċertifikaw dan il-proċess.

Is-siġill DOK, Denominazzjoni ta’ Oriġini Kontrollata, jingħata lill-inbejjed li jissodisfaw kriterji rigward il-kwalità, l-awtentiċità, iż-żona ġeografika u l-varjetà tal-għeneb.
Lokalment nistgħu nsibu kemm DOK Malta u DOK Gozo, bħala inbejjed tal-ogħla kwalità.
Mill-banda l-oħra, is-siġill IGT, Indikazzjoni Ġeografika Tipika, Maltese Islands jindika inbejjed oħra ta’ ċerta distinzjoni. Bħalissa f’Malta hawn disa’ għassara jew produtturi tal-inbid DOK u IGT, li bejniethom jikkultivaw madwar 450 ettaru ta’ dwieli.  Bejn 2016-2017, il-produzzjoni laħqet 458,866 litru ta’ inbid.