Taf x’għandek tilbes meta tagħti d-demm?

Jekk tixtieq tagħti d-demm, kun ċert li tilbes ħwejjeġ li tkun tista’ tneħħi faċilment waqt id-donazzjoni.
Dan huwa l-appell tal-ġimgħa li qiegħed jagħmel is-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm, bil-għan li aktar nies jitħajru jagħtu d-demm u anke biex ikunu ppreparati sewwa.
Din il-ġimgħa, l-appell jiffoka fuq l-ilbies, fejn fost affarijiet oħra, is-Servizz Nazzjonali qiegħed jappella biex id-donaturi ma jilbsux ħwejjeġ li jgħattu l-għonq  u lanqas ħwejjeġ issikkati mal-qadd u mad-dirgħajn.
Apparti li jekk id-donaturi jsegwu dawn l-appelli jkunu qed iħaffu l-proċess, ikunu qed jevitaw ukoll riperkussjonijiet mhux mixtieqa, bħal tbenġil jew li wieħed ma jħossux sew.
Fuq kollox, l-istqarrija tisħaq li d-donazzjonit tad-demm hija esperjenza sabiħa kemm għal min jagħtiha u anke għal min jirċeviha.
Sadanittant l-għoti tad-demm fil-jiem li ġejjin jista’ jsir:

  • Fiċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm ta’ Gwardamanġa li jiftaħ kuljum mit-8:00 am sas-6:00pm
  • Fil-Berġa tal-Gvern maġenb Dar il-Madonna tal-Mellieħa, Il-Mellieħa, nhar il-Ħadd 28 ta’ Jannar mit-8:30am sas-1:00pm. Fl-istess għodwa professjonisti mid-Dipartiment tal-Kura Primarja ser joffru servizz ta’ kejl ta’ pressjoni u livell ta’ zokkor fid-demm.
  • Id-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex ser ikun disponibbli għad-donazzjonijiet tad-demm nhar it-Tlieta 30 ta’ Jannar mis-1:00pm sal-5:00pm  

Huwa importanti li wieħed jieħu miegħu l-karta tal-identità, il-liċenzja tas-sewqan jew passaport Malti, u possibbilment iħajjar lil ħaddieħor jagħti d-demm ukoll.