Taf x’għandek tagħmel jekk se tixrob?

Iktar ma noqorbu lejn il-festi iktar ikomplu l-kampanji jħeġġu lin-nies biex ma jsuqux jekk jixorbu.
Is-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm nieda l-kampanja ‘Il-Ħajja mhix logħba…jekk se ssuq tixrobx!’
Huwa ngħaqad mad-Direttorat tal-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni tal-Mard u diversi entitatjiet oħra biex iwasslu l-messaġġ, biex jiġu evitati inċidenti tat-traffiku kawża tax-xorb alkoħoliku.
L-inċidenti tat-traffiku kkawżati minn sewwieqa xurbana jistgħu jkunu fatali kif ukoll jaffettwaw ir-riservi tad-demm għad-detriment ta’ pazjenti oħra li jkunu qed jistennew id-demm minħabba mard kroniku jew operazzjonijiet maġġuri.
Is-Servizz appella lill-pubbliku biex ikun responsabbli fis-sewqan u l-konsum tal-alkoħol. Fl-istess waqt għamel sejħa għall-għoti tad-demm.
Wieħed jista jagħti d-demm fiċ-Ċentru ta’ Gwardamanġa li jiftaħ kuljum inkluż fil-festi pubbliċi u l-Ħdud mit-8am sas-6pm.
Nhar il-Ħadd, il-Mobile Unit se tkun maġenb il-Knisja Parrokkjali tal-Imġarr. Dawk f'Għawdex jistgħu jmorru jagħtu d-demm nhar il-Ħadd bejn it-8am u s-1pm fid-Dipartiment tal-Outpatients.