Taf liem kienu l-ittri tal-alfabetti qodma tal-Malti?

ittri qodma alfabett
Akkademja tal-Malti

Is-sena d-dieħla l-alfabett Malti jagħlaq 100 sena kif nafuh illum, peress li kien fl-1931 li l-Akkademja tal-Malti, dak iż-żmien bl-isem l-Għaqda tal-Kittieba tal-Malti, rat li toħroġ b’alfabett wieħed stabbilit għall-Malti.

L-Akkademja tal-Malti din is-sena tagħlaq 100 sena minn meta twaqqfet. L-ewwel ċentenarju tagħha qed jiġi ċċelebrat billi, fost l-oħrajn, titfakkar ir-raġuni ewlenija tat-twelid tagħha, jiġifieri biex tistabbilixxi l-alfabett tal-Malti.

Qabel l-alfabett tal-Għaqda, kif kien magħruf fil-bidu, kull kittieb kien jagħżel l-alfabett li jrid. Dan wassal għal varjazzjonijiet ta’ alfabetti tal-Malti, meta l-Malti minn ilsien mitkellem biss f’daqqa waħda sab ruħu għall-ewwel darba stampat fil-kotba u mgħallem fl-iskejjel.

Fi stqarrija, l-Akkademja spjegat li għal xi wħud, dawn il-varjazzjonijiet kollha kienu jfissru biċċa wġigħ ta’ ras kbira, partikolarment għat-tfal tal-iskola. Illum, din il-varjazzjoni fl-alfabetti “mhux biss hija t-tikketta li sikwit tidentifika l-awturi tagħhom, imma turi wkoll il-kreattività ta’ dawn il-kittieba li minn naħa riedu jippruvaw iżommu l-identità tal-Malti u minn naħa oħra riedu jżommu l-Malti kemm jista’ jkun sempliċi.”

L-Alfabet Malti, propost mill-Għaqda tal-Kittieba tal-Malti, kien mibgħut lill-Prim Ministru fit-22 ta’ Diċembru 1921. …

Posted by The National Archives of Malta on Saturday, November 14, 2020

Dawn l-alfabetti llum m’għadhomx jintużaw u ħafna mill-ittri tagħhom ma jinstabux fil-kompjuter. Dan il-vojt wassal biex diversi studjużi, fosthom l-istudenti universitarji tal-Malti, ħabbtu wiċċhom mal-problema tat-traskrizzjoni tal-Malti l-antik u ta’ sikwit kien ikollhom jittraskrivu kollox bl-alfabett modern.

Għalhekk, l-Akkademja tal-Malti ħadet ħsieb tippreżenta l-ittri kollha tal-alfabetti l-antiki tal-Malti b’mod diġitalizzat. Dawn jistgħu jitniżżlu mis-sit uffiċjali tal-Akkademja tal-Malti u kulħadd jista’ jużahom b’xejn.

L-Akkademja tal-Malti rringrazzjat lil David Agius Muscat, membru tal-Kunsill tal-Akkademja, li ħa ħsieb dan il-proġett.