Taf kemm hu sikur l-ikel li qed tiekol?

Ritratt: EU Protects

Każ ta’ frodi tal-ikel ġie investigat dan l-aħħar, grazzi għall-azzjoni ta’ investigazzjoni tal-UE, fejn instab li produttur mill-Georgia kien qed iżid ingredjenti ta’ kwalità baxxa fi prodotti tal-ikel esportati lejn pajjiżi fl-Unjoni Ewropea.

L-awtoritajiet ġew infurmati wara li konsumatur mill-Awstrija sofra reazzjoni allerġika wara li kiel prodott li xtara mingħand furnar lokali. Dan skatta l-mekkaniżmu tas-Sistema ta’ Twissija Rapida għall-Ikel u l-Għalf tal-UE, u professjonisti ħadu azzjoni mill-ewwel biex jaqsmu din l-informazzjoni ma’ Stati Membri oħra. Il-prodott tal-ikel tneħħa b’urġenza minn ħwienet madwar l-Ewropa, u sussegwentement ġie pprojbit mis-swieq tal-UE.

Is-sistema għas-sikurezza tal-ikel tal-UE hija mudell għall-pajjiżi madwar id-dinja, u ċ-ċittadini Ewropej huma kunfidenti li teżisti proċedura effettiva li tiżgura li prodotti tal-ikel perikolużi jew mhux adegwati jiġu identifikati fil-ħin qabel dawn jistgħu joħolqu riskji mifruxa.

Din l-istorja hija eżempju ta’ kollaborazzjoni siekta bejn professjonisti li jaħdmu f’pajjiżi differenti tal-UE, li flimkien jipproteġu liċ-ċittadini fi Stati Membri differenti minn theddid u periklu fl-oġġetti tal-ikel.

Il-Kummissjoni Ewropea bdiet kampanja biex tevidenzja x-xogħol ta’ dawn il-‘Ktajjen ta’ Eroj’, u biex turi kif il-kooperazzjoni bejn il-fruntieri fost ċittadini ordinarji tipprovdi s-sikurezza lill-Ewropej. Bl-isem ta’ ‘EU Protects – l-Ewropea li Tipproteġi’, il-kampanja turi l-ħidma ta’ aktar minn 270 eroj – fosthom 6 professjonisti Maltin – li jaħdmu f’oqsma relatati mas-sikurezza, is-saħħa, l-ambjent u l-benesseri soċjali.

Il-kampanja ‘EU Protects’ titfa’ dawl fuq l-operazzjonijiet li jsiru ta’ kuljum minn ċittadini ordinarji li b’xogħolhom jgħinu lil diversi nies, anke mingħajr ma dawn ikunu jafu. Il-kampanja tinsab onlajn fuq europa.eu/euprotects.