Is-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm spjega li biex wieħed jagħti d-demm, mhux bilfors irid ikun jaf il-grupp tad-demm tiegħu qabel. Qal li d-donazzjoni tad-demm tinqasam fi prodotti differenti u b’riżultat ta’ hekk kull grupp tad-demm għandu l-valur tiegħu.
Skont il-bank tad-demm, ma’ kull donazzjoni, dejjem isir test tal-grupp tad-demm, kemm minħabba s-sigurtà tal-proċess innifsu kif ukoll minħabba s-sigurtà tal-pazjent li jkun se jirċievi it-trasfużjoni.
L-appell għad-demm għaddej mingħajr waqfien bil-għan li r-riserva tinżamm f’livell li toffri serħan il-moħħ lil kull min jiġi bżonn id-demm.
Dawk li huma f’saħħithom u interessati jagħtu d-demm, jistgħu jagħmlu dan billi jżuru wieħed minn dawn il-postijiet:
- fiċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm ta’ Gwardamanġa li jiftaħ kuljum mit-8am sas-6pm (l-aħħar dħul fis-6pm).
- fil-Mobile Blood Donation Unit li nhar il-Ħadd 11 ta’ Awwissu se tkun fil-pjazza ta’ maġenb il-knisja parrokkjali ta’ Ħad-Dingli mit-8:30am sas-1pm.
- fil-Berġa tax-Xewkija li nhar iit-Tlieta 13 ta’ Awwissu se tkun disponibbli għad-donazzjonijiet tad-demm mis-1pm sal-5pm.
Huwa importanti li qabel wieħed jagħti d-demm jiekol u jixrob, kif ukoll jieħu l-karta tal-identità, il-liċenzja tas-sewqan jew passaport Malti.