Taf għaliex in-naħal huwa importanti għalina?

Friends of the Earth Malta (FoE Malta) saħqet li dinja mingħajr naħal u annimali oħra li jdakkru tista’ twassal għal ħajja ferm ifqar għall-popolazzjoni dinjija.
Għal din ir-raġuni, fi stqarrija, FoE Malta insistiet li hemm bżonn li l-Gvern jipproponi strateġija nazzjonali jew pjan ta’ azzjoni għan-naħal u annimali oħra li jdakkru, filwaqt li qalet li l-aħħar aħbar tal-Ministeru għall-Ambjent li se jkun qed jirrestawra l-ekosistemi u l-ispeċi ta’ pjanti li huma importanti għan-naħal u annimali oħra li jdakkru, huwa pass fid-direzzjoni t-tajba.
L-istrateġija nazzjonali li qed jagħmlu referenza għaliha sostnew li tista’ tkun ibbażata fuq in-numru ta’ strateġiji simili li hemm għaddejja bħalissa madwar l-Ewropa, inkluż fl-Olanda, l-Ingilterra, l-Iskozja, Wales, l-Irlanda, Franza u n-Norveġja.
Spjegaw kif in-nuqqas ta’ naħal madwar id-dinja qed jiġi kawża ta’ numru ta’ fatturi, inkluż in-nuqqas ta’ sorsi minn fejn jieklu u jdakkru, pestiċidi, it-tibdil fil-klima, it-telfien tal-ħabitat tagħhom u t-tibdil fil-biedja. 
L-FoE Malta fl-istess ħin fakkret li madwar 80% tal-pjanti u ħaxix għandhom bżonn l-għajnuna ta’ dawn l-annimali li jdakkru sabiex jirripproduċu u jkabbru l-frott.
Jekk trid tara l-proġett li qed jaħdmu fuqu FoE Malta sabiex jedukaw dwar l-importanza tan-naħal għall-ekosistema għafas hawn.