Taf għaliex il-baħar ikun kannella f’Fomm ir-Riħ?

Jekk xi drabi mort il-bajja ta’ Fomm ir-Riħ u inzertajt il-baħar b’partijiet minnu viżibilment kannella u ħsibtu tinġis, dak huwa biss l-effett li joħloq it-tafal li jaqa’ mal-madwar.

Dan ikkonfermatu ma’ Newsbook.com.mt kelliema għall-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi wara mistoqsijiet li bgħattna xahar ilu dwar ritratti li waslulna li setgħu jirriżultaw każ ta’ tinġis fil-baħar.

Il-kelliema spjegat li mir-ritratti meħuda jidher li s-saff tat-tafal fil-viċinanzi, li qiegħed eżatt ‘il fuq mil-livell tal-baħar u għalhekk espost għall-elementi tiegħu ġie mdgħajjef. Minħabba f’hekk spjegat li t-tafal tmermer u spiċċa fil-baħar, liema avveniment wassal biex il-baħar jidher imdardar. Spjegat li dan huwa proċess naturali li jista’ jseħħ minn żmien għall-ieħor.

Il-proċess imsejjaħ bħala mass wasting jista’ jseħħ fis-saff tat-tafal, meta dan iċedi u jinżel ‘l isfel minħabba l-forza tal-gravità, kemm bħala frammenti, kif ukoll bħala tajn.

Sostniet li wieħed għandu jistenna dan il-proċess b’mod partikolari meta s-saff tat-tafal ikun tqil bl-ilma miżmum fil-pori tiegħu.

Irrimarkat li din iż-żona hija magħrufa għaż-żrieraq tat-tafal u għalhekk hija żona fejn it-tibdil fit-topografija jseħħ b’rata aktar mgħaġġla minn postijiet oħra, speċjalment kawża ta’ aspetti naturali bħax-xita.

Il-kelliema għall-ERA insistiet li dan huwa proċess naturali u neċessarju sabiex il-bajjiet iżommu l-volum tagħhom. Għaldaqstant sakemm il-mass wasting ma jwassalx għal xi ħsara sinjifikanti, normalment m’hemmx bżonn ta’ intervent jew rimedju.