Tad-dgħajjes ta’ Kemmuna b’mandat fil-Qorti

Comino ferries

Read in English.

L-operaturi tad-dgħajjes ta’ Kemmuna għamlu mandat ta’ inibizzjoni fil-Qorti biex iwaqqfu lill-Gvern milli jagħti konċessjoni lil kumpanija waħda biex toffri t-trasport tal-passiġġieri lejn Kemmuna. Din il-kumpanija mistennija li tagħti €37,000 lill-Gvern kull sena biex topera waħedha.

Il-Qorti approvat dan il-mandat b’mod proviżorju sakemm jibda jinstema’ l-każ nhar il-Ġimgħa.

Fil-mandat ta’ inibizzjoni kontra Transport Malta, l-operaturi jgħidu li ma baqalhomx ċertezza li jistgħu jkomplu jużaw il-mollijiet fiċ-Ċirkewwa, fil-Marfa u f’Kemmuna minħabba li l-Gvern laħaq ftehim ta’ esklussività ma’ kumpanija waħda.

Bil-ftehim li sar bejn il-kumpanija u l-Gvern, il-prezz tal-biljetti jista’ jirdoppja minn dak li huwa llum.

Fid-dokument ippreżentat fil-Qorti, huma jgħidu wkoll li minħabba li l-Gvern talab li l-kumpanija magħżula jkollha żewġ bastimenti ta’ daqs kbir, jistgħu jaslu f’sitwazzjoni fejn il-kumpanija magħżula tikkappara ż-żewġ mollijiet kemm f’Kemmuna u kemm fiċ-Ċirkewwa fl-istess ħin biex l-operaturi l-oħra ma jkunux jistgħu jaħdmu.

L-operaturi kkwotaw komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar kuntratt ta’ servizz pubbliku. Jingħad li biex tinħareġ konċessjoni mill-Gvern, l-iskema trid tkun ġustifikata ‘by overriding reasons in the public interest’, li tkun meħtieġa u propozjonata għall-iskop mixtieq u li tkun bbażata fuq kriterji oġġettivi u mhux diskriminatorji li jkunu magħurfa lis-sidien tal-vapuri tal-komunità.

Għaldaqstant huma jgħidu li l-ebda wieħed minn dawn il-kundizzjonijiet ma huma sodisfatti fid-dokument għas-sejħa ta’ proposti li ħareġ fis-sajf li għadda u wisq anqas fl-ittra maħruġa minn Transport Malta l-ġimgħa li għaddiet biex tavżza lis-sidien b’dan il-ftehim.

F’Ġunju li għadda, Newsbook.com.mt kien żvela kif il-futur tas-sidien li bħalissa jħaddmu s-servizz tad-dgħajjes miċ-Ċirkewwa lejn Kemmuna jinsab inċert minħabba li kien hemm għaddejja s-sejħa għal proposti biex Transport Malta tagħti konċessjoni ta’ 15-il sena lil operatur wieħed kif fil-fatt sar f’Awwissu 2019.

Aktar kmieni llum, l-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu f’Għawdex, il-GTA, qalet li b’dan il-ftehim mal-Gvern qed isir monopolju u diskriminazzjoni bejn l-operaturi.