Table tennis u table soccer fl-iskejjel tal-Istat

Matul dawn l-aħħar ġimgħat tqassam apparat ġdid sportiv fl-iskejjel kollha tal-Istat, liema apparat jiswa €60,000, kollha mixtrija b’fondi tal-Unjoni Ewropea.
L-apparat ikopri dixxiplini ġodda li qed jiġu introdotti fil-kurrikulu sekondarju bħat-table tennis, l-isnookeru t-table soccer.  Apparat ieħor relatat mal-badminton, ġinnastika, għawm, atletika u fitness kien imqassam ukoll fi kważi mitt skola tal-Istat.
Ħafna minn dan l-apparat jintuża ġewwa biex f’każ ta’ maltemp il-lezzjonijiet tal-PE jistgħu jsiru xorta waħda.
Waqt li żar l-Iskola Medja f’Ħal Tarxien, il-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo, qal li din kienet inizjattiva oħra matul dawn l-aħħar ħmistax-il xahar sabiex jissaħħaħ il-qafas tal-Edukazzjoni Fiżika fl-iskejjel Maltin u Għawdxin.
Fi stqarrija, il-Gvern qal ukoll li dan l-investiment sar biex ikompli jiġġieled l-persentaġġ għoli tal-obeżita fost l-addoloxxenti, tkompli tirranka kemm permezz t’għarfien siewi dwar dieta tajba kif ukoll permezz tal-attività fiżika.
Il-Ministru Bartolo vara wkoll publikazzjoni ġdida relatata mal-Edukazzjoni Fiżika li tqassmet lill-għalliema kollha fl-Iskejjel Primarji tal-Istat.  Din il-gwida tidħol fid-dettall ta’ kif partijiet minn sillabi tas-suġġetti akkademiċi kollha jistgħu jiġu mgħallma permezz tal-Edukazzjoni Fiżika.