Tabib tal-gwerra mitlub jgħin fil-ġlieda kontra l-Coronavirus f’Kalabrija

Il-Gvern Taljan talab lil espert ewlieni tal-emerġenzi fil-kura tas-saħħa, li normalment jaħdem f’żoni milquta mill-gwerra, biex jgħin fil-ġlieda kontra l-kriżi tas-saħħa fir-reġjun ta’ Kalabrija, fin-Nofsinhar tal-pajjiż.

Gino Strada, li waqqaf l-NGO Emergency biex jgħin lill-vittmi ċivili tal-gwerra, aċċetta li jaħdem mal-Kummissarju tas-Saħħa ġdid f’reġjun li jinsab għarkubbtejh quddiem imxija qawwija ta’ infezzjonijiet ta’ coronavirus.

Strada, li huwa kirurgu, waqqaf numru ta’ sptarijiet f’żoni milquta mill-gwerra madwar id-dinja, inkluż fis-Sudan u l-Afganistan. Il-kura tas-saħħa fil-Kalabrija, waħda mill-ifqar reġjuni fl-Italja, tinsab taħt il-lenti hekk kif żewġ kummissarji tas-saħħa rriżenjaw f’qasir żmien minħabba dubji fuq il-ħila tagħhom li jindirizzaw kif jixraq il-kriżi tal-coronavirus.

Saverio Cotticelli rriżenja mill-kariga tiegħu fis-7 ta’ Novembru, wara li ammetta waqt intervista fuq it-televiżjoni li r-Reġjun ma kellux pjan ta’ emerġenza għall-COVID-19. Huwa insista li din ma kinitx responsabbiltà tiegħu, iżda wara kien mgħarraf li filfatt dan kien il-każ.