Tabib ta’ oriġini Maltija jgħid li ikkura aktar minn 300,000 immigrant f’Lampedusa

Paolo Bartolo, tabib ta’ oriġini Maltija li ilu jgħix fuq il-gżira ta’ Lampedusa għal ħafna snin, jgħid li f’dawn l-aħħar 25 sena, fil-klinika li għandu fuq din il-gżira, ikkura aktar minn 300,000 persuna. 
“Qatt ma trid tgħajja għax il-ħin kollu tara tfal u nisa mejta. Nisa li welledu fuq biċċa’ dgħajsa u t-trabi ċkejkna tagħhom li għadhom marbuta ma’ ommijiethom bil-kurdun umbelikali”.
Huwa għid li kuljum jitlob lill-Madonna tal-Porto Salvo biex tgħinu jikkura u jsalva numru ma’ jaqta’ xejn ta’ imigranti li jaslu f’Lampedusa kuljum.
F’intervista lill-ġurnalista Taljana Lidia Tirotta li kitbet l-artiklu: “Lampedusa – Gateway to Europe”, it-Tabib Bartolo jgħid li hu trabba fuq din il-għira u rrifjuta li jagħmel karriera fil-mediċina f’post ieħor li kienet tħallilu ferm aktar flus, iżda ddeċieda li jibqa’ hemm jaqdi n-nies ta’ din il-gżira sabiħa iżda remota.
“Jien għal dan qed ngħix”
Iżda l-imigrazzjoni ħolqot problemi kbar għal din il-gżira u l-poplu tagħha li hu poplu ġeneruż u lest jgħin lil dawk kollha li jispiċċaw fuq ix-xtut tagħha f’dgħajjes imkissra jew salvati minn opri tal-baħar waqt li jkunu qed jaqsmu l-Mediterran b’sogru għal ħajjithom biex ifittxu futur aħjar.
Il-professjoni tat-Tabib Bartolo saret vokazzjoni.
”Spiss naħseb fil-pazjenti tiegħi, ħafna rġiel, nisa u tfal li rriskjaw u jkomplu jirriskjaw ħajjithom biex jaslu fuq ix-xtut tagħna u jitolbuna l-għajnuna… Naħseb fuq is-siegħat li qagħdt nistenna fuq il-moll biex din it-tagħbija umana tasal fix-xatt.  Imma naf li bla dubju ta’ xejn dan ikolli nibqa’ nagħmlu.  Jien għal dan qed ngħix”.
Kull darba li nisimgħu fuq it-televiżjoni jew naqraw fil-gazzetti li grupp ieħor ta’ imigranti waslu Lampedusa, tajjeb niftakru fit-tabib Bartolo u numru ta’ professjonisti li riċentment waslu f’Lampedusa biex jgħinuh, jippruvaw jagħtu xi forma ta’ dinjita’ lill-kataveri li jinġabru mill-baħar minn laneċ ta’ salvataġġ, minn għaddasa u anke minn sajjieda, biex jassiguraw li jkunu jistgħu jiġu identifikati mill-qraba tagħhom aktar tard permezz tal-eżamijiet tad-DNA.
Bartolo jgħid li ma għandux soluzzjoni għal din it-traġedja umana kbira.  It-tort hu tan-nies, partikolarment tat-traffikanti.  “Meta nħossni mifni u bla saħħa, indur lejn il-Madonna tal-Porto Salvo, il-patruna ta’ Lampedusa u nitlob lill-Omm tal-ommijiet kollha tagħtini s-saħħa biex inkun nista’ nsalva lil uliedha li jaslu f’Lampedusa bil-baħar”.