Tabib mhux ħati; tmut b’attakk qawwi tal-qalb

Il-Qorti sabet li tabib ma wera l-ebda negliġenza professjonali li setgħet waslet għall-mewt tal-pazjenta tiegħu, għaldaqstant sabitu mhux ħati ta’ qtil involontarju.

Il-Qorti fid-deċiżjoni tagħha ordnat l-isem tat-tabib kif ukoll tal-parte civile ma jixxandarx.

Il-każ kien jinvolvi tabib li ra l-pazjenta tiegħu d-dar tagħha wara li din gergret li kellha xi uġigħ. L-uġigħ telaq iżda xorta ma baqgħetx tħossha sew. Huwa mar jaraha darbtejn oħra d-dar, b’darba minnhom hi kellha d-deni u l-pressjoni tad-demm baxxa. Huwa qal lill-pazjenta biex tkellmu f’każ li l-kundizzjoni tagħha tmur għall-agħar.

Ġara li l-mara ddaħlet l-isptar u tilfet ħajjitha f’inqas minn 24 siegħa li din ġiet rikkoverata.

Peress li l-mara mietet fi żmien 24 siegħa li daħħlet l-isptar saret awtopsja iżda ma kinitx waħda forensika. Minn din l-awtopsja ħareġ li l-mara kienet mietet b’attakk tal-qalb qawwi u pulmonite. Iżda l-maġistrat inkwierenti qatt ma kien infurmat bil-histopathology report li juri li l-mara mietet minħabba attakk tal-qalb akkut u mhux ilma fil-pulmun li jfisser li jkollha l-pulmonite. L-esperti patoloġi li xehdu fil-każ qalu li fil-paragrafu konklussiv tar-rapport dwar l-awtopsija fejn il-kawża tal-mewt kienet indikata bħala pulmonite u attakk tal-qalb, dan kien żball. Meta sar l-eżami mikroskopiku rriżulta li kien hemm konġestjoni ta’ demm minħabba l-attakk tal-qalb.

Għat-tabib deher l-avukat Joe Giglio.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Trevor Micallef.

Il-Qorti kienet ippreseduta mill-Maġistrat Doreen Clarke.