Tabib Malti involut fl-akbar clinical trial dwar trattamenti għall-coronavirus

Read in English.

Tabib Malti huwa involut fl-akbar clinical trial li qed isir dwar trattamenti li jistgħu jingħataw lill-pazjenti tal-coronavirus.

Dr Miguel Debono qal lil Newsbook.com.mt li huwa involut fl-istudju “RECOVERY” – l-akbar randomised clinical trial dwar trattamenti għall-coronavirus fid-dinja. Hemm aktar minn 8,000 pazjent u 100 sptar involuti fil-proġett. Qed jitmexxa mill-Università ta’ Oxford. Ir-riċerkaturi qed jevalwaw kemm huma effettivi ħames trattamenti differenti.

Dr Debono jgħix l-Ingiliterra u huwa konsulent ma’ Sheffield Teaching Hospitals.

Qabel ma faqqgħet il-pandemija tal-COVID-19, Dr Miguel Debono kien qed jittratta pazjenti bi problemi bl-ormoni tagħhom. Kien jara wkoll pazjenti bi problemi akuti. Ix-xogħol tiegħu ma kienx jiqafx fi-swali imma huwa involut ukoll fit-tagħlim tal-istudenti tal-mediċina u fir-riċerka.

Però, kollox inbidel minħabba l-virus.

Dr Debono huwa kuntent peress li issa l-pazjenti tiegħu għandhom l-opportunità li jirċievu trattament. Qabel kienu qed jingħataw l-ossiġinu u trattament għal infezzjonijiet sekondarji. Ma kinux qed jirċievu trattament speċifiku kontra is-SARS-CoV-2 (il-virus li jikkawża l-COVID-19). Madanakollu l-istudju għadu fi stadju inizzjali allura wieħed ikun irid jistenna l-eżitu tiegħu biex jara jekk dawn it-trattamenti hux qed jgħinu jew le.

Dr Debono ggradwa mill-Università ta’ Malta. Mar l-Ingilterra peress li ried aktar esperjenza li aktarx ma setax jakkwista f’Malta biss minħabba ċ-ċokon tal-pajjiż.

Ix-xogħol dwar il-hormones jintlaqat minn ‘tsunami’

Sa ftit xhur ilu kien qed janalizza l-bżieq (saliva) għall-cortisol. Dan biex jiġi determinat jekk persuna tkunx qed tipproduċi dan il-hormone bżonnjuż għall-metaboliżmu u għall-pressjoni tad-demm. Is-soltu l-livelli tal-cortisol jiġu analizzati mid-demm, però Debono kien qed jistħarreġ jekk jistax isiru testijiet eħfef u irħas.

Iddeskriva l-bidla li ġab miegħu l-coronavirus bħala “tsunami.” Qal li l-affarijiet inbidlu ħafna f’temp qasir ta’ żmien. Il-pazjenti qed jintalbu jibqgħu d-dar. Għadd ta’ tobba qed ikollhom jaħdmu mid-dar peress li għandhom kundizzjonijiet mediċi huma wkoll li jpoġġuhom f’riskju. Madanakollu Dr Debono jgħid li m’għandhomx nuqqas ta’ riżorsi umani.

‘Akbar minni imma qatt ma raw xi ħaġa bħal din’

Meta jkun qed isuq lejn l-isptar f’moħħu hemm biża’ għaliex ħajtu tkun f’riskju. Għall-bidu kien jaħseb ukoll fit-tfal tiegħu u jhewden dwar x’isir minnhom li kieku kellu jiġrilu xi ħaġa. Però meta jasal l-isptar jirnexxielu jikkonċentra u jagħtu l-agħlmu tiegħu lill-pazjenti. Għamel ħajtu kollu jipprepara biex jilħaq tabib. Mhux se jaqta’ qalbu issa.

“Uħud mill-kollegi tiegħi qatt ma esperjenzaw ħaġa bħal din u huma akbar minni.”

L-affarijiet inbidlu ħafna fl-isptar. L-isforz prinċipali huwa għall-kura tal-pazjenti morda bil-COVID-19. Il-kirurgi qed jagħmlu operazzjonijiet urġenti biss. It-tobba tal-plastic surgery u tal-oftalmoloġija qed jiffokaw fuq il-pazjenti bil-coronavirus.

“Ħajjitna nbidlet. Ma nafux kemm se ddum is-sitwazzjoni,” qal Dr Debono li bħalissa qed jieħu ħsieb sala bil-pazjenti tal-COVID-19. Il-maġġoranza għandhom aktar minn 60 sena.

‘Tħares lejn l-X-Ray u tgħid li miraklu’

Qal li meta jiltaqa’ mal-pazjenti jħossu emozzjonat. Spjega li jkun hemm pazjenti li jkollhom għadd ta’ kumplikazzjonijiet tas-saħħa. Wieħed ma tantx jkun jista’ jgħinhom. Ikollu diskussjonijiet ma’ xi pazjenti dwar kemm ikunu jridu trattament aggressiv. Għal pazjenti minnhom l-aktar ħaġa li jkun jista’ jagħmel tkun li jara li jkunu komdi kemm jistgħu.

Dr Debono ddeskriva l-mument meta pazjent jistaqsi jekk ikollux il-virus. Stqarr li wiċċhom jinbidel meta jirċievu l-aħbar li huma pożittivi.

Ġielu kellu pazjenti b’problemi serji fil-pulmun tagħhom imma li b’xi mod jirnexxielhom jiġġieldu kontra l-mard. Hemm numru konsiderevoli ta’ pazjenti li jiġu rilaxxati.

“Tħares lejn l-X-Rays tagħhom u tgħid li huwa miraklu li għadhom ħajjin,” qal Debono.

Sfortunatament oħrajn ma jkunux daqstant ixxurtjati.

Meta feġġet il-pandemija tal-coronavirus ħafna aġenzija li jipprovdu l-fondi għar-riċerka ħarġu parir biex jiġu sospiżi dawk il-proġetti ta’ riċerka li jaf ipoġġu lin-nies f’risku minħabba l-virus. Peress li kien qed jiġbor il-bżieq, l-istudju li kien wieħed minn dawk bir-riskji.

Dr Debono qal li ħafna akkademiċi qed jippruvaw jagħmlu xi ħaġa relatata mal-coronavirus. “Dak kollu li tagħmel huwa ġdid,” stqarr it-tabib. Mistoqsi dwar jekk jaħsibx li tistax issir ukoll riċerka f’Malta dwar il-virus, Debono qal li “m’hemmx dubju” dwar dan. Jemmen li f’Malta hawn riċerkaturi tajbin biżżejjed.

“Nibqa’ ma nbiddel xejn”

Bħal ħafna nies, Dr Debono wkoll qed ibassar li l-ħajja se tinbidel wara li jonqsu l-miżuri ta’ kontra l-virus. Minn aspett ta’ riċerka l-ħidma aktarx ukoll tinbidel – jaħseb li se jsiru aktar investigazzjonijeit mid-dar ta’ dak li jkun biex ma jkollux għalfejn jiġi l-isptar. Ibassar li se jkun hemm studji dwar strateġiji aktar effiċjenti għall-immaniġġjar tal-pazjenti.

Mistoqsi dwar x’parir kien jagħti lilu nnifsu issa li qed jgħix l-esperjenza tal-coronavirus, Dr Debono jgħid li qed japprezza aktar kemm huwa importanti li wieħed iżomm ruħu f’saħħtu u li jagħmel l-eżerċizzju.

Fl-aħħar mill-aħħar Dr Debono qal li xorta jħossu sodisfatt bix-xogħol li qed jagħmel. Jibqa’ jirrakkomanda l-professjoni tiegħu lil kwalunkwe student.

“Nibqa’ ma nbiddel xejn,” temm jgħid Dr Debono.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn