Tabib jirbaħ premju wara 15-il sena servizz b’xejn lid-Dar tal-Providenza

Ritratti: MISW_PS

Read in English.

It-tabib George Grech ġie ppremjat l-Premju Nazzjonali għall-volontarjat 2020 wara 15-il sena jagħti s-servizz ta’ tabib b’xejn lir-residenti tad-Dar tal-Providenza. Hu kien ukoll il-moħħ wara l-proġett ta’ pixxina terapewtika fl-istess dar.

It-tabib ingħata dan l-unur waqt serata fil-Kamra tal-Kummerċ li ġiet organizzata mill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat (MCVS) taħt il-patronċinju tal-President ta’ Malta George Vella.

L-għan tal-Premju Nazzjonali huwa li jagħti rikonoxximent wiesa’ lis-servizzi mill-voluntiera u l-organizzazzjonijiet volontarji fi ħdan il-komunità, li joħloq kuxjenza dwar il-valuri eżemplari murija u jsib mudelli għaż-żgħażagħ u għas-soċjetà b’mod aktar wiesa’, kif ukoll biex jirrikonoxxi l-kontribuzzjonijiet importanti li saru f’diversi oqsma.

Il-premju għall-Volontarjat taż-Żgħażagħ intrebaħ minn Martina Livori. Martina ilha attiva fil-volontarjat minn mindu kellha 12-il sena u attiva f’bosta għaqdiet volontarji u ġġorr responsabbiltajiet, b’mod partikolari fil-Youth Centre Salesjan tal-Isla, fil-Coding Team, fil-Clean & Green Team, fis-Salesian Pastoral Youth Service (SPYS) u l-Youths Engage in Senglea (YES), fis-SYM Environment Team tas-Salesian Green Alliance, fis-Sezzjoni Żgħażagħ Senglejani, fil-Legion of Mary (fuq livelli lokali u nazzjonali), u fl-Association for Linguistics and Language Technology tal-Università, fost l-oħrajn.

Dan il-premju huwa kkumplimentat minn żewġ premjijiet oħra li huma l-Premju għall-Organizzazzjoni Volontarja li ntrebaħ minn Ħal Far Outreach u l-Premju Korporattiv tal-Volontarjat li ntrebaħ minn Where’s Everybody.

Is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima, filwaqt li rringrazzja lil dawk preżenti għall-ħidma tagħhom b’risq is-soċjetà, ħabbar li l-iskema tal-Operational Assistance Scheme se tiġi estiża fil-ġimgħat li ġejjin. Hu qal li permezz ta’ din l-iskema l-għaqdiet volontarji gawdew minn investiment ta’ €3 miljun fl-2020, l-akbar investiment dirett li qatt sar fis-settur. Din hija skema li għenet sabiex ittaffi l-impatt tal-Covid-19 fuq l-għaqdiet volontarji.

L-avveniment sar fil-preżenza tas-Segretarju Parlamentari għall-Isport, ir-Rikreazzjoni u l-Għaqdiet Volontarji Clifton Grima, u ċ-Chairperson tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat Noel Camilleri.

“Il-volontarjat jissarraf f’soċjetà aktar ġusta u inklussiva” – Il-President

 Il-President ta’ Malta George Vella, li kien preżenti għal dan l-avveniment, fid-diskors tiegħu qal li dawk kollha li jagħżlu li jinvolvu ruħhom f’xi għaqda volontarja jew oħra jkunu qed joħolqu xibka ta’ għajnuna u appoġġ li maż-żmien tissarraf f’soċjetà aktar ġusta u inklussiva.

Il-President  irrimarka li pajjiż li jkollu settur tal-volontarjat b’saħħtu u li jolqot aspetti differenti tal-ħajja, fosthom is-saħħa, l-edukazzjoni, l-għajnuna soċjali, l-isport, u l-ambjent, ikun qed jibni fuq il-prinċipji universali tal-empatija u l-għajnuna lejn ħaddieħor. “Dawn kollha kienu u għadhom sisien importanti li fuqhom huwa mibni t-tessut morali tas-soċjetà Maltija. Huwa sellem lill-eluf kbar li huma involuti fil-volontarjat fi kważi 2,000 organizzazzjoni li jkopru kull xorta ta’ servizzi volontarji fil-komunità,” sostna l-President.

Il-President osserva kif huma bosta dawk l-assoċjazzjonijiet volontarji li kellhom l-attivitajiet tagħhom imħarbta, jekk mhux ukoll imħassrin jew posposti għas-sena d-dieħla, kaġun tal-pandemija tal-COVID-19. Dan kompla żied mal-isfidi li dawn l-organizzazzjonijiet volontarji jkollhom biex jiżguraw li jagħtu l-aħjar servizz u għajnuna fil-qasam tagħhom. Semma kif anki l-Malta Community Chest Fund Foundation għaddejja minn sfidi simili, u għalhekk jifhem u japprezza wisq aktar id-determinazzjoni tal-għaqdiet volontarji biex ikomplu jkunu ta’ servizz anki f’dawn iż-żminijiet diffiċli.

“Nemmen li l-qasam tal-volontarjat huwa teżor li jikber ftit ftit kuljum minn eluf ta’ individwi li jagħżlu, b’mod deċiż, li jagħtu l-enerġija u l-ħin tagħhom biex jgħinu lil ħaddieħor jew ikunu vuċi b’saħħitha kontra xi inġustizzja jew oħra”, qal il-President.

“L-għoti ta’ dawn il-premjijiet huwa biss xrara żgħira ħdejn l-apprezzament u l-kburija li għandu l-poplu Malti lejn l-eluf ta’ voluntiera li, b’xi mod jew ieħor, qed joħolqu differenza fil-ħajja ta’ ħaddieħor u jkunu anki mudell għalina lkoll. Bil-ħidma ta’ dawn ħutna li, bl-aktar mod dedikat u mingħajr xi forma ta’ gwadann personali, jagħtu minn ħinhom, mill-kapaċitajiet personali u professjonali tagħhom, biex jgħinu lil ħaddieħor, il-kwalità tal-ħajja ta’ madwarna ssir aħjar. Dawn huma eżempji li, fid-dlam tan-negattività u l-firda li  sfortunatament għad hawn fostna, jitfgħu d-dawl fuq it-triq li rridu nimxu jekk verament irridu naraw pajjiż u soċjetà kuntenti u miexja ’l quddiem,” temm jgħid il-President.