Read in English.
Tabib ħalla messaġġ twil fuq Facebook sabiex ikompli jeduka lill-pubbliku dwar x’inhu aċċettabbli u x’mhux aċċettabbli jekk wieħed joħroġ minn daru f’dan iż-żmien.
Dr Konrad Borg qal li fil-festa ta’ San Ġużepp, kien hemm diversi persuni li ħarġu fi gruppi u poġġew f’periklu kbir is-sagrifiċċju li qed jagħmlu diversi ċittadini fiċ-ċirkustanzi preżenti. Għalhekk, hu ħass li għandu jikkjarifika x’inhu l-aġir aċċettabbli u x’inhu dak li mhux.
Aġir aċċettabbli:
- Familji li joqgħodu fl-istess dar li jmorru dawra bil-karozza jew mixja fil-kampanja sakemm ma jiltaqgħu u jieqfu jitkellmu ma ħadd.
- Sewwieqa tal-muturi jistgħu joħorġu dawra bil-mutur imma ma jistgħux jieqfu jiddiskutu fi gruppi.
- Kulħadd jista’ joħroġ passiġġata bil-kelb, l-aqwa li jżommu distanza aċċettabbli minn dawk ta’ madwarhom.
- Jekk wieħed jiltaqa’ ma’ xi ħadd fit-triq, żommu distanza konsiderevoli minn xulxin.
Aġir li MHUX aċċettabbli:
- Li wieħed jiltaqa’ ma’ ħbieb u persuni li ma jgħix magħhom.
- Familji differenti li jiltaqgħu ma’ familji oħrajn biex iqattgħu ħin flimkien.
- Carpooling mal-ħbieb.
- Sewwieqa tal-muturi li jieqfu jgħidu kelma fi gruppi.
Għal darboħra, it-tabib fakkar li kemm jista’ jkun wieħed m’għandux iżur anzjani. Hu ħeġġeġ sabiex il-familji jibqgħu f’kuntatt mal-anzjani tagħhom permezz ta’ telefonati u jekk hu possibbli, wieħed jista’ jipprovdilhom mowbajl, tablet jew laptop fejn ikun jista’ jsir kuntatt permezz ta’ Skype, WhatsApp jew Facetime.
Għal dawk kollha li għadhom iridu jmorru fil-post tax-xogħol tagħhom, it-tabib appella sabiex jassiguraw li jkun hemm distanza fiżika minn membri oħrajn tal-istaff u klijenti, li jkun hemm ħasil frekwenti tal-idejn u li kemm jista’ jkun wieħed ma jmissx wiċċu. Intant, l-uċuħ tal-għamara għandhom jitnaddfu b’diżinfettant.
Dr Borg qal li dawk kollha li joħorġu jagħmlu x-xirja tagħhom għandhom jaraw li jdumu barra kemm jista’ jkun mill-inqas, ma joqgħodux f’folol u jaraw li jkun hemm spazju fiżiku sigur mill-persuni l-oħrajn ta’ madwarhom. Appella biex kull min joħroġ jagħmel użu mill-alcohol handrub. Dan sabiex meta wieħed imiss oġġetti bħal keypads u pompi tal-petrol ikun jista’ jiddiżinfetta idejh.
Mal-wasla lura d-dar, it-tabib irrakkomanda li kulħadd jinża’ ż-żarbun ħdejn il-bieb jew fil-garaxx u jaħsel idejh bis-sapun u bl-ilma. Intant il-prodotti mixtrija għandhom jintmesħu.
Għaliex dawn il-prekawzjonijiet kollha?
It-tabib sostna li skont l-informazzjoni li hawn dwar il-virus s’issa, jidher li numru kbir ta’ każi li jinstabu pożittivi ma jurux sintomi fl-ewwel jum jew jumejn li jkun ħareġ il-virus. Qal li f’dawn il-ġranet, mingħajr ma jkunu jafu, huma jistgħu jinfettaw lil ħaddieħor. Għalhekk, il-persuna li tkun ħdejha li jaf tidher f’saħħitha, jaf tkun infettiva.
Qal li huma għal dawn ir-raġunijiet li ħafna mill-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa qed jitilqu lill-familji tagħhom u lil djarhom f’dan iż-żmien. Qal li minkejja li hi xi ħaġa li ġġibilhom dwejjaq, huwa neċessarju li jagħmlu dan sabiex jipproteġu lil dawk l-aktar għeżież għalihom.
“L-aġir irresponsabbli tiegħek jista’ jipperikola lil ħaddieħor”
F’appell lil dawk kollha li injoraw u sfidaw l-appell tad-dipartiment tas-saħħa, hu sostna li dan huwa żmien fejn l-azzjoni ta’ kull persuna tista’ taffettwa x’jiġri fil-pajjiż, kemm fit-tajjeb u anke fil-ħażin. Qal li l-aġir irresponsabbli ta’ persuna waħda tista’ tipperikola lil ħaddieħor. Qal li dan huwa żmien ta’ sagrifiċċju u li jekk kulħadd jagħmel il-parti tiegħu, il-firxa tista’ tiġi kkontrollata.
Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn.