Konrad Borg, tabib li jaħdem fid-Dipartiment tal-Emerġenza fl-Isptar Mater Dei, appella lill-pubbliku biex joħroġ mill-inqas issa li l-coronavirus qed jinxtered lokalment minn persuna għal oħra.
S’issa f’Malta hawn 38 każ tal-coronavirus. L-iżgħar vittma għandu 3 snin. Irkupraw żewġ persuni, li t-testijiet tagħhom irriżultaw fin-negattiv darbtejn.
Fuq Facebook, huwa kiteb li n-nies għandhom jillimitaw il-kuntatt tagħhom man-nies barra d-dar, u l-attivitajiet soċjali tagħhom. Lil dawk li jridu jmorru jixtru jew ix-xogħol, ħeġġiġhom biex jevitaw li jmissu wiċċhom u biex jaħslu jdejhom ta’ sikwit. Malli jaslu d-dar għandhom jaħslu jdejhom bis-sapun u l-ilma jew b’hand sanitiser. Żied jgħid li m’għandhomx isiru żjarat lill-anzjani.
It-tabib fiehem li jekk 10% tal-populazzjoni Maltija tlaqqat il-virus, dan ifisser li 2,500 persuna tiddaħħal fit-Taqsima tal-Kura Intensiva (ITU) fl-isptar fi ftit xhur. Fl-isptar hemm biss 100 sodda fl-ITU, allura jaf ikun hemm nuqqas ta’ riżorsi.
Qal li dan hu wieħed mill-aspetti ta’ qsim il-qalb għall-ħaddiema tas-saħħa li jridu jagħtu l-aħjar kura possibbli lil kull pazjent.
Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn.