Tabib fl-Arġentina jiffaċċja l-ħabs għax irrifjuta li jagħmel abort

Dimostrazzjoni kbira favur il-ħajja fit-toroq prinċipali ta' Buenos Aires

Fl-2017, Dr Leandro Rodriguez Lastra kien irrifjuta li jwettaq abort fuq tfajla ta’ 19-il sena li marret fl-isptar ta’ Cipolletti fl-Arġentina. Il-mara kellha tqala ta’ 22 ġimgħa wara li kienet stuprata u kienet ħadet pillola li tipprokura l-abort li kellha effetti fuq ħajjitha.

It-tabib kien irnexxielu jsalva kemm lill-omm kif ukoll lit-tarbija liema tarbija llum hi adottata. Ir-raġel li stupra lil din it-tfajla qatt ma kien proċessat. Iżda l-ġimgħa li għaddiet it-tabib tressaq il-Qorti u nstab ħati li “kiser id-doveri ta’ uffiċjal pubbliku” u qed jiffaċċja sentenza ta’ sentejn ħabs u jista’ wkoll jitlef il-liċenzja biex jipprattika ta’ tabib.

L-abort għadu llegali

S’issa, fl-Arġentina l-abort għadu illegali għalkemm skont l-aġenzija tal-aħbarijiet Crux, xi provinċji għandhom protokolli li jagħmlu eċċezzjonijiet f’każ ta’ stupru jew meta jkun hemm riskju għall-ħajja tal-omm.

Il-Prosekuzzjoni fil-każ tat-Tabib Rodriguez Lastra qed issostni li skont il-protokoll li hemm fil-provinċja ta’ Cipolletti, it-tabib kien obbligat jagħmel l-abort.

Il-Knisja Kattolika u dik Evanġelika fl-Arġentina flimkien ma’ organiżazzjonijiet Favur il-Ħajja, kollha ħarġu jikkundannaw il-verdett tal-Qorti kontra dan it-tabib.

Il-poplu jrid il-ħajja mhux il-mewt

Mons. Alberto Bochatey, Isqof Awżiljarju ta’ La Plata u membru tal-Akkademja Pontifiċja għall-Ħajja qal fuq stazzjon tar-radju lokali li “il-poplu tal-Arġentina jrid il-ħajja mhux il-mewt”.

Is-sena li għaddiet il-President Arġentin Mauricio Macri beda dibattitu dwar il-legaliżazzjoni tal-abort iżda l-Kungress kien ivvota kontra din il-proposta wara li miljuni ta’ nies niżlu fit-toroq jipprotestaw u jgħidu lill-Gvern biex jiddefendi l-ħajja.

L-Alleanza tal-Knejjes Evanġeliċi fl-Arġentina ħarġet stqarrija fejn qalet li “hu kontradittorju li tikkundanna professjonist mediku għax kien koerenti mal-vokazzjoni tiegħu li jsalva l-ħajjiet.”

Din l-Organiżazzjoni qalet li hemm “bżonn li jkunu riveduti l-liġijiet u l-protokolli li joħoqlu kultura tal-mewt, li jħallu vakum legali u jikkontradixxu l-ġurament li jieħdu l-professjonisti fil-qasam tas-saħħa”.

B’difiża tiegħu t-Tabib Rodriguez Lastra qal li hu mexa mal-ġurament li ħa bħala tabib u b’dak li għamel salva l-ħajja mhux biss tat-tarbija li kienet għadha mhux mitwielda imma anke l-ħajja ta’ ommha filwaqt li kieku għamel l-abort kien ipoġġi t-tnejn li huma f’riskju kbir għal ħajjithom.