Tabib ewlieni Taljan isostni li l-coronavirus tilef is-saħħa tiegħu

Read in English.

Il-coronavirus qed jitlef is-saħħa tiegħu u sar anqas perikoluż. Dan sostnih tabib ewlieni fl-Italja lbieraħ.

“Fil-verità, il-virus klinikament lanqas biss għadu jeżisti fl-Italja”, sostna Alberto Zangrillo, Direttur tal-Isptar San Raffaele f’Milan, fir-reġjun tal-Lombardija, iż-żona li nħakmet bl-akbar numru ta’ każijiet madwar il-pajjiżi kollha.

F’kummenti lir-RAI, huwa qal li “t-testijiet li għamilna fl-aħħar għaxart ijiem, f’termini kwantitattivi, urew li l-preżenza tal-virus hija żgħira ħafna meta mqabbla ma’ dak li rajna xahar, xahrejn ilu”.

L-Italja għandha t-tielet l-akbar rata ta’ mwiet bil-COVID-19 madwar id-dinja, b’33,415 persuna jitilfu ħajjithom mill-21 ta’ Frar ‘l hawn. Għandha wkoll is-sitt l-akbar numru ta’ każijiet, b’233,019. Madankollu, kemm in-numru ta’ infezzjonijiet ġodda, kif ukoll l-imwiet naqsu konsistentement f’Mejju u l-pajjiż beda jirrilaxxa wħud mill-miżuri ta’ restrizzjonijiet soċjali, li kienu fost l-aktar iebsin fil-kontinent.

Zangrillo qal li xi esperti kienu qed jallarmaw iżżejjed meta jwissu dwar it-tieni mewġa ta’ infezzjonijiet u l-politiċi kellhom jieħdu konsiderazzjoni tar-realtà l-ġdida.

“Irridu mmorru lura għan-normalità. Xi ħadd irid jerfa’ r-responsabbiltà talli werwer pajjiż”.

Il-Gvern kompla jwissa u jitlob aktar attenzjoni, u sostna li għadu kmieni wisq biex tkun iċċelebrata rebħa. Sandra Zampa, Sotto-Segretarju fil-Ministeru tas-Saħħa qalet li “qabel ma jkun hemm evidenza xjentifika li l-virus sparixxa, nistieden lil dawk li mhumiex ċerti minn dan biex ma jħawwdux lit-Taljani. Għal kuntrarju, għandna nappellaw biex il-pubbliku jibqa’ attent, iżomm distanza fiżika, jevita gruppi kbar, jaħsel idejh spiss u jilbes il-maskri”.

Tabib ieħor mit-Tramuntana tal-Italja qal lill-aġenzija tal-aħbarijiet lokali, ANSA, li wkoll kien qed jara lill-coronavirus jiddgħajjef. “Is-saħħa li kellu dan il-virus xahrejn ilu mhix l-istess tal-lum”, sostna Matteo Bassetti, Kap tal-Klinika tal-mard infettiv fl-Isptar San Martino, f’Ġenova.

“Huwa ċar li l-marda tal-COVID-19 illum hija differenti.”

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn