Tabib b’diżabilità jgħid li ‘ġie abbużat’ mis-CEO ta’ Mater Dei

Read in English.

Tabib li għandu diżabilità fiżika qed jallega li sofra abbuż mill-Kap Eżekuttiv tal-Isptar Mater Dei Ivan Falzon. Hu fetaħ protest ġudizzjajru kontra Falzon, il-Ministru għas-Saħħa u tobba oħrajn b’rabta mal-każ.

L-Ispeċjalista tal-Ostetrija u Ġinekoloġija Naged Megally qal li l-inċident seħħ fl-10 ta’ Lulju 2018. Qal li għandu “diżabilità fiżika” u li jeħtieġ assistenza fil-mobilità u li dan huwa dritt fundamentali tiegħu.

Megalli jispjega x’ġara dakinhar tal-inċident

Fi protest ġudizzjarju li kopja tiegħu wasslet għand Newsbook.com.mt, spjega li dakinhar, waqt li kien qed jara pazjenti f’Mater Dei, il-Professur Yves Muscat Baron talbu biex jieqaf milli jara lill-pazjenti fl-ultrasound clinic u biex jitlaq mill-kamra. Muscat Baron allegatament qal lil Megally li kien qed idum wisq minħabba d-diżabilità tiegħu. Muscat Baron qal li d-deċiżjoni biex jitkeċċa Megally mill-kamra ttieħdet minnu u mill-Kap Eżekuttiv tal-isptar Ivan Falzon.

Skont il-protest ġudizzjarju, Muscat Baron u Falzon kienu determinati biex jitfgħu lil Megally barra mill-kamra b’mod immedjat. Lanqas stennew lill-porters biex il-vittma jkun jista’ jitla’ fuq is-siġġu tar-roti tiegħu. Allegatament, qabbdu u fiżikament ġarrew lil Megally “bl-aktar mod umiljanti u inuman barra mill-kama u poġġewh fuq siġġu”.

Skont Megally, ir-rimarki dwar id-diżabilità tiegħu ntqalu quddiem pazjenta mingħajr ħsieb dwar x’effett jista’ jkun hemm fuq ir-reputazzjoni tiegħu. Qal ukoll li regolarment “jara l-istess numru ta’ pazjenti daqs speċjalisti oħra fl-istess klinika.”

Jgħid li spiċċa mhedded minn Falzon

Wara l-inċident Megally qal li lmenta ma’ Falzon dwar dak li ġara, però qal li spiċċa mhedded mill-istess Falzon li se jitkeċċa. Allegatament, Falzon qal lil Megally li jekk ma jbaxxix rasu kien se jippubblika informazzjoni dwaru li allegatament għandu fil-pussess tiegħu.

Megally talab biex tinfetaħ investigazzjoni fil-15 ta’ Lulju dwar dan kollu. Però qal li din ma saritx kif suppost. Għalhekk ħass li ma kellux għażla oħra ħlief li jiftaħ dan il-protest.

Qal li l-inkjesta saret minn bord magħmul mill-Professur Charles Savona Ventura, il-Professur Raymond Galea, u Albert P. Scerri. F’Ottubru tal-2018 “inġabru l-provi relattivi”.

Però, skont Megally hu ma ġiex infurmat dwar min xehed u x’intqal. Ma ngħatax l-opportunità li jagħmel kontro-eżami tax-xhieda. Wara xhur ta’ insistenza biex jingħata informazzjoni dwar x’kien qed jiġri bl-inkjesta f’Mejju tal-2019 ġie infurmat li l-ilment tiegħu ġie miċħud bħala infondat. Hu ma ngħatax kopja tar-rapport finali.

Skont il-protest ġudizzjarju d-deċiżjoni finali tar-rapport, li kienet l-unika parti tar-rapport li Megally ingħata aċċess għaliha, tgħid li l-amministrazzjoni tista’ talloka r-riżorsi kif jidrilha, li Falzon ma heddidx lil Megally, u li Muscat Baron seta’ kien “coarse and bristly” filwaqt li Megally għandu “heightened sensitivities” dwar id-diżabilità tiegħu.

Allegatament, Falzon u Muscat Baron huma s-superjuri ta’ żewġ membri tal-Bord tal-Inkjesta.

Fil-protest ġudizzjarju ntqal li Megally għandu karriera mal-isptarijiet pubbliċi li tmur lura sas-sena 1993. Qal li ilu jaħdem Mater Dei għal dawn l-aħħar 11-il sena bħala Resident Specialist fid-dipartiment tal-Ostetrija u Ġinekoloġija.

Fil-fehma tiegħu, il-kundizzjoni fiżika qatt ma waqfitu milli jaqdi dmirijietu b’mod professjonali. Qal li dejjem “eċċella fil-professjoni tiegħu u ta kontribut lokali notevoli”.

Fil-protest ġudizzjarju intqal li l-lingwaġġ u atteġġjament ta’ Muscat Baron u Falzon kien inaċċettabbli, diskriminattiv, dispreġġjattiv, illegali, u abbużiv. Intqal li mhux ikkontestat li d-diriġenza ta’ Mater Dei għandha d-dritt tamministra l-użu tal-klinika skont l-esiġenzi tal-isptar. Però, skont il-protest d-deċiżjoni kienet ibbażata biss fuq id-diżabilità tat-tabib – intqal li dan huwa illegali u abbużiv.

Intqal ukoll li hija “ironika” li din l-imġieba kontra persuna b’diżabilità ġiet minn persuni fil-professjoni medika li għandhom iħarsu s-saħħa tan-nies b’mod speċjali dawk li għandhom xi forma ta’ diżabilità.

L-avukati ta’ Megally qed jitolbu lill-Qorti għal kopja sħiħa tar-rapport li sar u biex Megally jingħata kumpens għal dak li ġralu.

Il-protest ġudizzjarju nfetaħ kontra l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, il-Kap Eżekuttiv tal-Isptar Ivan Falzon, il-Professur Yves Muscat Baron, Dr Walter Busuttil, il-Professur Charles Savona Ventura, il-Professur Raymond P. Galea, u Albert P. Scerri. Ġie ffirmat mill-avukati Jonathan Thompson u Ryan Falzon.