Aġġornata: Tabella tan-No Entry toħloq inkonvenjent fir-Rabat

Il-unjin tal-għalliema (MUT) qed toġġezzjona għal deċiżjoni meħuda mill-Kunsill Lokali tar-Rabat u l-gwardjani lokali tiegħu li qed jagħmlu xogħol ta’ ronda barra l-iskola St Paul’s Missionary College.
Il-unjin kitbet lill-Ministru tal-Edukazzjoni, lill-Ministru tat-Trasport u lis-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali minħabba li, sostniet, gwardjani lokali mhux iħallu lill-edukaturi jidħlu bil-vettura tagħhom fl-iskola.
L-MUT sostniet li hemm tabella tan-‘No Entry’ li diġà ġiet kontestata u li Transport Malta ħarġet ordni dwarha biex din titneħħa u li minkejja li l-Kunsill Lokali u l-gwardjani lokali jafu b’dan, mhux iħallu aċċess għall-iskola u qed joħolqu inkonvenjent lill-edukaturi u lir-residenti tal-madwar.
L-MUT appellat għal intervent mill-Ministri inkella jkollha tmur għal direttivi industrijali.
Tittieħed azzjoni mis-Segretarjat Parlamentari għall-Gvern Lokali
Fi stqarrija, is-Segretarjat Parlamentari għall-Gvern Lokali qal li mill-ewwel ħa azzjoni biex jindirizza s-sitwazzjoni. 
Sostna li wara kuntatti bejn l-Aġenzija għall-Infurzar Lokali LESA u l-Kunsill Lokali tar-Rabat, ġie kkonfermat li l-kunsill għandu l-intenzjoni li jbiddel it-tabelli eżistenti, biex il-membri tal-istaff tal-kulleġġ, ikunu jistgħu jgħaddu mit-triq u jidħlu fil-parkeġġ riservat għalihom.
Sakemm isir it-tibdil, il-gwardjani ngħataw direttivi biex jassistu kemm jistgħu lil kulħadd.