Ta’ Xbiex: Il-Pollakk jammetti li saq perikoluż

Iż-żagħżugħ Pollakk li baqa’ nieżel bil-karozza fil-baħar f’Ta Xbiex ammetta li saq b’mod perikoluż u anke li kawża ta’ hekk għamel diversi ħsarat.
L-inċident ġara s-Sibt 15 ta’ Marzu għall-ħabta tal-erbgħa ta’ filgħodu meta Daniel Artur Sobczak, niżel minn Triq l-Abate Rigord, tilef il-kontroll tal-karozza, ħabat ma’ karozza pparkjata u kiser għal ġol-baħar.  Wara dakinhar, għamel erbat ijiem f’koma fl-isptar.
Il-Pollakk ħallas ukoll €7,000 f’danni minħabba l-ħsara li għamel fuq karozza li kienet ipparkjata, jott u dingi.
Weħel ukoll multa ta’ €400 u ġie pprojbit milli jsuq għal tliet xhur.