Ta’ Villa Sunset reġgħu magħna!

Tiftakruha s-sensiela Villa Sunset? Kienet popolari meta xxandret għall-ewwel darba fil-bidu tas-Snin 2000 u fiha taw sehemhom uħud mill-atturi veterani ta’ dik il-ħabta, li wħud minnhom m’għadhomx magħna.

Charles Arrigo, Connie Azzopardi, Mario Ellul, Pat Mahoney, Lilian Pace, Marylù Coppini, Ronald Saliba, Joe Farrugia “Id-Dulli”, Veronica Farrugia, Manuel Cassar, John Dimech, Maryanne Muscat, Rina Camilleri, Anna Cachia, Leli Debattista u Paul Mintoff huma fost dawk li ħadmu fiha u li issa għandkom iċ-ċans terġgħu tibdew issegwu minn nhar it-Tnejn li ġej fuq TVM.

Villa Sunset, li ġiet maħluqa minn Lino Farrugia u David Pace tikkonsisti fi 52 puntata li se tkunu tistgħu terġgħu ssegwu kuljum mit-Tnejn sal-Ħamis fuq TVM fit-3.00pm, b’ripetizzjoni l-għada fis-07.30am fuq TVM 2, u l-erba’ puntati f’daqqa s-Sibt fuq TVM 2 mis-1.00pm ‘l quddiem.

Fil-ġrajja nsibu lil Sammy Xuereb, proprjetarju ta’ Villa Sunset, dar tal-anzjani. Ikun permezz ta’ din id-dar li jitfaċċaw karattri differenti u mill-aktar interessanti li jżidu mal-intriċċi ta’ din is-sensiela li issa se tkun tista’ titgawda mhux biss minn dawk li diġà segwewha bosta snin ilu, iżda wkoll mill-ġenerazzjoni ġdida!