Ta’ tħassib li tfal jiġu mġiegħla jilbsu ta’ kbar – l-Isqof Grech

Huwa ta’ tħassib meta l-ġenituri jew il-kustodji tat-tfal jippruvaw ikabbruhom qabel iż-żmien, qal l-Isqof Grech hu u jindirizza lill-katekisti.

Mons. Grech kien qed jirreferi għal ċerti kompetizzjonijiet fejn it-tfal jitlibbsu ta’ kbar jew jiġu mġiegħla jaġixxu ta’ adulti, lil hinn mill-innoċenza tagħhom.

Fl-omelija li ta nhar is-Sibt li għadda, fl-okkażjoni tal-ftuħ tas-Sena Kateketika fl-Għarb, huwa enfasizza fuq l-importanza li t-tfal jitqiegħdu fiċ-ċentru, għaliex bl-ispontanjetà u bl-innoċenza tagħhom, xi drabi jagħtu l-aqwa lezzjonijiet lill-adulti, u mhux dejjem bil-kontra. L-Isqof sejħilhom l-“embrijun spiritwali” li hu lest biex jimmatura.

Fi kliemu, Ġesù kemm-il darba rrefera għas-sempliċità tat-tfal u ħeġġeġ lin-nies biex jimxu fuq l-eżempju tagħhom. B’dan l-eżempju, huwa kien qed juri mħabbtu lejn kull min hu ċkejken f’kull sens, kemm mill-età u anke jekk iħossu ċkejken, b’mod speċjali ċkejken spiritwalment.

L-Isqof Grech enfasizza fuq l-imħabba li Ġesù juri lejn iċ-ċkejknin. Mhux huma jduru miegħu, imma hu jdur magħhom, u mhux huma jħarsu ’l fuq lejh, imma hu jħares ’l isfel lejhom bl-akbar umiltà.

Mons. Grech ikkwota lill-poeta Ingliż William Wordsworth, li qal “the child is the father of the man,” u kompla jgħid li biha Wordsworth kien qed jindika kemm hu essenzjali li wieħed jinvesti fit-tfal biex isawwarhom f’adulti maturi.

L-Isqof irringrazzja lill-katekisti tal-koperazzjoni u l-għajnuna tagħhom f’ministeru tassew importanti, it-tfal.