“Ta’ tħassib li Malta mhix tilħaq il-miri ambjentali” – PN

Il-kelliem Nazzjonalista għall-Ambjent Jason Azzopardi qal li huwa ta’ tħassib kbir kif ir-rapport ta’ Climate Action Network Europe jpoġġi lil Malta fost il-ħames l-inqas pajjiżi fl-Unjoni Ewropea li qed jirreġistraw progress fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.

Jikkwota lil dan l-istess rapport li jiddeskrivi l-ħidma ta’ Malta kontra t-tibdil fil-klima bħala ‘fqira ħafna’ u jisħaq li Malta mhix se tilħaq il-mira fit-tnaqqis tal-emissjonijiet mill-agrikoltura, t-trasport u l-bini.

Jason Azzopardi sostna li dan jikkonferma kemm Malta mhix qed tieħu azzjoni u juri stampa differenti minn dik li qal qed jipprova jpinġi l-Gvern fejn jidħu l-isfidi ambjentali.

Mill-pajjiżi kollha tal-UE, Malta ġiet fl-24 post flimkien ma’ Ċipru, u qabżet biss lill-Bulgarija, l-Estonja, l-Irlanda u l-Portugall. Mill-istess rapport joħroġ li l-aktar pajjiżi Ewropej li qed jagħtu każ it-tibdil fil-klima huma l-Iżvezja, il-Portugall u Franza.