Ta’ tħassib li ġejjin 30,000 barranin jaħdmu f’Malta – AD

L-Alternattiva Demokratika qalet li tinsab imħassba dwar ċertu konsiderazzjonijiet ekonomiċi bħal dik tal-importazzjoni ta’ 30,000 persuna biex isostnu l-ħtiġijiet ekonomiċi.

Fi stqarrija, l-AD qalet li l-mantra li “is-suq isuq” saret il-mentalità prevalenti tal-Awtoritajiet qed twassal għal konsegwenzi li jnaqqsu l-kwalità tal-ħajja f’Malta.
Dwar it-tħabbir riċenti mill-Kap Eżekuttiv ta’ JobsPlus Clyde Caruana dwar l-importazzjoni ta’ 30,000 persuna, l-AD iħoss li dan huwa bżonn artifiċjali minħabba n-nuqqas ta' viżjoni ekonomika u soċjali fit-tul.
L-AD fakkar li l-Assoċjazzjoni ta’ min Iħaddem (MEA) f'Novembru 2017 ħarġet dokument dwar l-isfidi demografiċi f’Malta u saħansitra issuġġerixxiet li l-popolazzjoni fil-gżejjer Maltin tista' tiżdied għal 750,000 fi żmien 20 sena.
Iċ-Ċerpersin tal-AD Carmel Cacopardo u l-kelliema tal-AD dwar il-politika soċjali Colette Sciberras qalu li dawn il-projezzjonijiet huma kawża ta' allarm peress li jindikaw l-irduppjar possibbli tal-popolazzjoni Maltija f'ġenerazzjoni waħda.
Huma qalu li jinsabu mħassba b’mod partikolari dwar jekk hux qed isir l-ippjanar meħtieġ għall-provvisti tal-ilma u l-enerġija, l-impatt fuq it-traffiku, id-djar, bini u l-infrastruttura, s-saħħa, u l-benesseri ġenerali.
Fi kliem l-AD, “il-limitazzjonijiet fiżiċi tal-gżejjer Maltin huma realtà li għandhom iwasslu għal ippjanar ekonomiku fit-tul li jirrispetta l-limiti ekoloġiċi u soċjali raġonevoli tal-pajjiż."