Ta’ tħassib li ġara fl-aħħar jiem – Professjonisti Nazzjonalisti

Read in English.

Il-Forum Professjonisti Partit Nazzjonalista fuq Facebook qal li bħala forum huma minn dejjem kienu jfittxu li jżommu l-etika u l-professjonalità kemm fil-qasam professjonali tagħhom kif ukoll fil-qasam politiku.

Il-forum qal li l-aħħar żviluppi li ġraw fil-Partit Nazzjonalista huma tat-tħassib mhux biss minħabba li qed taffettwa l-operat tal-Partit bħala Oppożizzjoni iżda wkoll għax il-PN mhux qed ikun ta’ servizz għal dawk in-nies ġenwini li ddedikaw ħajjithom u l-ħin tagħhom għall-Partit Nazjonalista. Huma qalu li għandu jinżamm livell tajjeb ta’ governanza u huwa vitali mhux biss għall-organizzazzjonijiet privati imma wkoll għas-settur pubbliku inġenerali.

Huma appellaw biex tintrefa’ r-repsonasabbiltà politika tar-riżultat tal-aħħar elezzjonijiet. Żiedu li għandha tintrefa r-responsabbiltà politika minn kull min ikkontribwixxa għal din it-telfa kif ukoll għal dak li ġara s-Sibt li għadda fil-votazzjoni biex jimtela s-siġġu battall ta’ David Stellini.

Il-forum żied li d-deċiżjonijiet li qed jittieħdu se jaffettwaw ġenerazzjonijiet futuri u qalu li ma tistax tuża d-demokrazija fuq id waħda u fuq l-id l-oħra ma tħallix r-rieda tad-demokrazija u timxi daqslikieku ma ġara xejn.