Ta’ tħassib li 100 miljun isofru l-faqar fl-UE – il-President

Il-faqar għadu ta’ tħassib għax fl-Ewropa għad hawn 100 miljun persuna li tgħix fil-faqar. Għadhom jeżistu wkoll differenzi kbar bejn is-sessi, fosthom fejn tidħol paga. Dan id-diskors qalitu l-President ta’ Malta, Marie Louise Coleiro Preca waqt laqgħa tal-presidenti. Hija żiedet ukoll li is-solidarjetà u l-ġustizzja soċjali għandhom ikunu l-pilastri ewlenin tal-politika Ewropea.

Waqt id-diskors tagħha, l-President appellat biex l-Ewropa tbiddel l-mod ta’ kif titratta l-Afrika. Qalet li l-Afrika hu kontinent kbir u mimli opportunitajiet. Qalet li fih tara sors ta’ tkabbir ekonomiku għall-Ewropa u opportunità tajba għal sħubijiet u investimenti sostenibbli, fejn anka żgħażagħ Afrikani jkollhom garanzija ta’ futur dinjituż.

Hija qalet ukoll li l-Ewropa magħquda għandha tkun minn ta’ quddiem fid-dinja biex mhux biss turi l-ħsibijiet tagħha, iżda biex tieħu azzjoni fuq dak li jkun qed jiġri fi ħdanha u madwar id-dinja.