​Ta’ sentejn isakkar l-iPhone ta’ ommu għal 48 sena

Omm kellha titgħallem bil-qares li t-tfal żgħar u l-ismartphones ma jmorrux tajjeb flimkien, hekk kif binha sakkrilha l-mowbajl għal 48 sena.
Skont il-midja fiċ-Ċina, il-mara minn Shangai nsiet l-iPhone warajha d-dar u t-tifel tagħha, ta’ sentejn, kellu l-opportunità li jieħu l-mowbajl biex jara Peppa Pig.
Meta l-omm waslet lura skopriet li l-iPhone tagħha ma setax jintuża minħabba li t-tifel daħħal code ħażin kemm-il darba.
Il-messaġġ li tela’ fuq l-iskrin kien jgħid li l-iPhone ma jistax jiġi aċċessat, “erġa’ pprova f’temp ta’ 25,114,980 minuta oħra”. Dan huwa ekwivalenti għal kważi 48 sena.
Espert spjega li l-problema setgħet kienet minħabba difett fid-data u l-ħin fuq l-iPhone u minħabba li kien aeroplane mode ma setgħetx titranġa awtomatikament.
Meta marret għand l-aġent tal-Apple, il-marra kellha l-għażla li tistenna 48 sena jew inkella tifformattja l-mowbajl u titlef kollox.  Għażlet li tifformattjah.