Ta’ sentejn ipejjep 40 sigarett kuljum

Tifel ta’ sentejn fl-Indoneżja żviluppa l-vizzju tat-tipjip tant li jpejjep mal-40 sigarett kuljum.

Il-vizzju tat-tifel beda meta kien jiġbor sigaretti użati minn mal-art waqt li kien ikun fuq il-monti ma’ ommu. Fi ftit jiem il-vizzju kiber tant li spiċċa jwaqqaf lill-persuni li jkunu mixjin minn ħdejh sabiex jagħtuh sigarett.

Għall-ewwel, l-adulti affaxxinaw ruħhom bit-talbiet tat-tifel u bosta kienu jkomplu miegħu u jidħku meta jarawh iqabbad in-nar u jpejjep.

Madanakollu, aktar kemm għadda ż-żmien, it-tifel sar aktar aggressiv minħabba l-istess vizzju u beda jagħmel xenati kbar kull meta ma jkollux xi jpejjep.

Ommu ammettiet li tixtrilu żewġ pakketti sigaretti kuljum u spjegat li hu jpejjep waqt li jixrob il-kafè u jiekol il-kejk.