Ta’ Riverdale se jagħtu l-aħħar tislima lil Luke Perry

Ritratt: Warner

L-ewwel puntata tar-raba’ staġun tas-sensiela popolari Riverdale se tkun tislima lil Luke Perry, wieħed mill-protagonosti tagħha, li miet għal għarrieda minn puplesija nhar l-4 ta’ Marzu.

AQRA: Imut l-attur ta’ Riverdale Luke Perry

Roberto Aguirre-Sacasa ħabbar li l-episodju In Memoriam se jiftaħ l-istaġun li jmiss u hu jemmen li dan x’aktarx se jkun l-iktar episodju mportanti li se jkunu qed jagħmlu f’dan l-istaġun il-ġdid, jekk mhux kemm ilhom jaħdmu din is-sensiela.

L-aħħar dehra ta’ Luke Perry f’Riverdale xxandret xahar wara li dan l-attur miet u l-ewwel puntata li xxandret wara li tħabbret mewtu kienet dedikata għalih għalkemm l-istorja ma għalqitx l-istorja tal-karattru tiegħu Fred Andrews.

Hu qal li meta kien miet Luke Perry huma diġà kienu fasslu l-aħħar tlett puntati tat-tielet staġun u għaldaqstant ma riedux jagħmlu l-ebda tibdil bl-għaġġla biex b’hekk ma jieħdux falza stikka u ma jiddiżappuntawx il-fans numerużi tas-sensiela u tal-attur.

Ritratt: Gage Skidmore
Għalhekk għażlu li jistennew sakemm jibda r-raba’ staġun biex b’hekk iwasslu storja li apparti li tkun aċċettabbli mis-segwaċi tas-sensiela, iżda wkoll li tkun tislima xierqa lil dan l-attur, li b’kollox ħadem f’47 puntata ta’ Riverdale.
L-ewwel puntata tar-raba’ staġun ta’ Riverdale se tkun qed tixxandar fl-Istati Uniti nhar it-8 ta’ Ottubru fuq l-istazzjon The CW, u wara tista’ tiġi segwita mill-għada fuq livell internazzjonali permezz ta’ Netflix.
Intant, fiċ-ċinemas madwar id-dinja, f’Awwissu se jkun qed joħroġ il-film Once Upon A Time in Hollywood, li huwa l-aħħar wieħed li Perry ħadem fil-karriera tiegħu.
Fl-istess xahar se tibda tixxandar is-sensiela 90210 li qed terġa’ tgħaqqad mill-ġdid l-atturi oriġinali tas-sensiela Beverly Hills, 90210, li se tkun mingħajr Luke Perry li kien jinterpreta lil Dylan Walsh.