Ta’ min hi l-kumpanija Macbridge? – attivisti

Occupy Justice

Numru ta’ attivisti inġabru quddiem Kastilja b’karti quddiemhom jistaqsu ta’ min hi l-kumpanija Macbridge.

Fi stqarrija, il-grupp Occupy Justice qal li din l-azzjoni saret biex jitfakkar l-14-il xahar minn wara l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Qalu li l-azzjoni kienet “referenza ċara għall-kumpanija klijenta misterjuża li qed tħallas €5,000 kuljum fil-kumpaniji sigrieti tal-Panama tal-Ministru Konrad Mizzi u taċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri.”

L-attivisti qalu li 7 xhur ilu staqsew lil Muscat ta’ min hi l-kumpanija 17 Black u li baqgħu bla risposta. Qalu li issa ġie żvelat li nies qrib il-Prim Ministru Joseph Muscat waqqfu struttura tal-ħasil tal-flus biex jirċievu tixħim mill-proġett tal-Power Station.

Skont l-attivisti, Muscat jaf fiċ-ċert ta’ min hi Macbridge u li għandu nteress li ma jieħux azzjoni. Din hija korruzzjoni fi stil tal-Mafja qalu l-attivisti.

Il-ġurnalist ta’ Reuters Stephen Grey qal li qed ikompli jinvestiga aktar dwar il-kumpanija Macbridge. Skont imejl mibgħuta mill-accountants ta’ Keith Schembri u Konrad Mizzi, il-kumpaniji tagħhom fil-Panama kellhom jirċievu flus anke minn Macbridge barra li kellhom jirċievu flus minn 17 Black.