Ta’ Maksar ippruvaw jixtru s-skiet tal-Koħħu – rapporti

Read in English.

Rapporti fil-midja lokali qed jindikaw li l-familja ta’ Vince Muscat il-Koħħu ġiet offruta flus minn Ta’ Maksar sabiex ma jibqax jimplikahom fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Dan ġie rrappurtat b’mod konġunt minn The Times of Malta u MaltaToday.

Il-Koħħu, wieħed mit-tliet irġiel akkużati bl-assassinju, qal lill-pulizija li ż-żewġ irġiel magħrufin bħala Ta’ Maksar, Robert Agius u Jamie Vella, ipprovdew lit-tliet akkużati bil-bomba li splodiet il-karozza li kienet qed issuq il-ġurnalista. Huwa ta din l-informazzjoni lill-pulizija bit-tama li jingħata maħfra presidenzjali.

Minn sparatura għal bomba

Skont ma qal Muscat, il-pjan oriġinali kien li Caruana Galizia tinqatel bi sparatura fid-dar tagħha fil-Bidnija. Lill-pulizija qalilhom li Agius u Vella tawhom tliet xkubetti biex jippruvawhom, iżda l-akkużati rritornaw tnejn minnhom għax ma qdewhomx, irrappurtaw it-Times u l-MaltaToday.

Il-ġurnali jgħidu wkoll li Muscat irrefera għal Alfred Degiorgio bħala l-persuna li għandha l-esperjenza biex tuża l-ixkubetta, u l-persuna li kellha twettaq l-assassinju bl-arma. Eventwalment, l-allegati assassini ddeċidew li jużaw bomba minflok din l-arma.

Skont ir-rapporti, il-Koħħu qal lill-investigaturi li Ta’ Maksar urewhom kif iqabbdu l-apparat, deskritt bħala nofs id-daqs ta’ karta A4, u provdewhom bil-kodiċi meħtieġ li jintbagħat b’SMS biex tisplodi l-bomba. Qal ukoll li huma qalulhom li l-bomba tisplodi bejn 15 u 30 sekonda wara li jintbagħat l-SMS.

Il-messaġġ bil-kodiċi “Rel1=on” allegatament intbagħat minn George Degiorgio ftit qabel it-3pm fis-16 t’Ottubru tal-2017.

L-aħwa Robert u Adrian Agius ġew arrestati flimkien ma’ Jamie Vella fir-rejds li wettqu l-pulizija f’diversi postijiet f’Diċembru tal-2017. B’kollox il-pulizija kienu arrestaw 10 persuni suspettati li kienu involuti fil-pjan u fid-delitt innifsu.

It-tliet irġiel inħelsu mingħajr akkuża xi jiem wara.

L-10 persuni arrestati f’Diċembru tal-2017
Assassinju Daphne: Żvelati l-ismijiet tas-7 arrestati l-oħra

L-offerta ta’ Ta’ Maksar

Ir-rapport tat-Times u l-MaltaToday jgħid li lejn tmiem l-2019, persuna fil-familja ta’ Vince Muscat ġiet avviċinata fil-Marsa minn Agius u Vella b’offerta, li huma jagħtu lill-familja €1,500 fix-xahar bil-patt li Vince Muscat ma jlissinx kelma fuq il-qtil tal-ġurnalista u reati oħra.

It-Times u l-MaltaToday qalu wkoll li dan ġie kkonfermat magħhom mill-avukat ta’ Muscat, Dr Marc Sant, li spjega li l-familja tal-Koħħu rrifjutat l-offerta. Il-pulizija kienu infurmati b’dan f’Jannar li għadda, iżda mid-dehra ma wrewx wisq interess f’din l-offerta.

Il-ġurnali jgħidu wkoll li sorsi tagħhom infurmawhom li l-pulizija ma ddedikawx wisq riżorsi biex jinkludu lil Ta’ Maksar f’dan l-istadju tal-investigazzjonijiet dwar dawk involuti fil-kummissjoni tal-qtil. Madankollu, bl-għajnuna tal-Europol, il-Pulizija qed taħdem biex tressaq lin-nies li pprovdew il-bomba quddiem il-ġustizzja.

Ġie rrappurtat ukoll li l-Pulizija identifikat lil Robert u Adrian Agius bħala “high-value targets”. Iż-żewġ irġiel imexxu grupp kriminali.

L-aħħar li Melvin Theuma semma lil Ta’ Maksar fil-qorti
In-numru ta’ Cardona fuq mowbajl misjub fir-rejd – Theuma