“Ta’ kuljum permezz ta’ Facebook nipprova nferraħ lin-nies” – Jeanesse

Jeanesse Abela, mara b’diżabbiltà, irrakkuntat ma’ Newsbook.com.mt kif ta’ kuljum, tagħmel użu mill-midja soċjali sabiex tipprova tferraħ lin-nies u tinkoraġġihom ikomplu mal-ħajja.

Permezz tal-profil ta’ Facebook tagħha u paġni u gruppi fuq Facebook, Jeanesse bniet komunità online. Spjegat li hi tagħmel dan kollu biex ma taqtax qalbha. Kompliet tispjega kif kollox huwa possibbli fil-ħajja u meta xi ħadd iħoss li jkun wasal f’punt diffiċli f’ħajtu tara kif tagħmel biex tgħinu jirkupra. Spjegat li hi kapaċi tifhem u tgħin lil dawk li fis-soċjetà jħossuhom bla vuċi.

Mistoqsija kif tħossha meta diversi persuni juruha appoġġ għal dak li qed tagħmel online, Jeanesse spjegat li tibda tħossha kburija b’xogħolha. Qalet li l-kummenti pożittivi li tirċievi jgħinuha żżomm it-tama li taffaċċja l-ħajja b’mod aktar pożittiv.

Din mhux l-ewwel darba li Jeanesse tkellmet ma’ Newsbook.com.mt u diversi drabi rrakkuntat esperjenzi varji tagħha u qawwiet qalb persuni li bħalha għandhom diżabbiltà.