“Ta’ ħsara kbira li tifqa’ s-suq bil-propjetà li tibqa’ vojta” – Il-Kamra tal-Kummerċ

Il-Kamra tal-Kummerċ qalet li tkun ta’ ħsara kbira jekk is-suq ikompli jinfaqa’ bil-bini tal-propjetà li mbagħad se tibqa’ vojta meta r-rota tal-ekonomija ddur eventwalment. Il-Kamra tal-Kummerċ qalet li l-istatus quo fis-suq tal-kiri mhuwiex sostenibbli.

Dan qalitu fi stqarrija b’reazzjoni għall-White Paper tal-Gvern bl-isem Il-Kiri bħala Alternattiva għall-Akkomodazzjoni.

L-istqarrija tkompli tgħid li dan iċ-ċiklu ta’ propjetà li żżid fl-ekonomija ħoloq stress sostanzjali fuq l-infrastruttura tal-pajjiż, partikolarment fuq is-suq tad-djar. Skont il-Kamra tal-Kummerċ, is-sitwazzjoni hi karatterizzata min-nuqqas ta’ akkomodazzjoni affordabbli jitqabbel man-nuqqas ta’ ħaddiema.

Il-Kamra tal-Kummerċ qalet li l-White Paper ma ħolqitx soluzzjonijiet fit-tul li jegħlbu l-kwistjonijiet maħluqa minn din is-sitwazzjoni.

Għaldaqstant, il-Kamra tal-Kummerċ tat dawn is-suġġerimenti:

  • Li terġa’ tiġi assessjata l-eġibbiltà tal-kriterji tal-programm tal-investiment fil-propjetà IIP
  • Li jsir awditjar tal-propjetà pubblika u privata battala kollha, segwit minn inċentivi biex jintużaw ir-riżorsi
  • Irwol ċar għall-Awtorità tal-Ippjanar biex tiżgura li jsir il-bini permanenti meħtieġ mis-soċjetà tal-lum u t’għada
  • Implimentazzjoni tar-riformi proposti mill-Kamra tal-Kummerċ u entitajiet oħra fl-2018 dwar bini residenzjali mikri qabel Ġunju tal-1995
  • Soluzzjonijiet vijabbli u effettivi li joħolqu akkomodazzjoni mhux permanenti.