Ta daqqa ta’ ponn lil raġel f’għajnejh

Bouncer ta’ wieħed mill-istabbilimenti ta’ divertiment f’Paceville, tpoġġa taħt att ta’ akkuża wara li tressaq b’arrest il-Qorti għal reat li sar fit-22 ta’ Awwissu għall-ħabta tal-4am. Huwa ġie akkużat fost l-oħrajn li darab gravi lil żagħżugħ barrani b’daqqa ta’ ponn f’għajnejh, li ma kellux liċenzja biex jaħdem bouncer u li kiser il-paċi pubblika.

L-akkużat ta’ 26 sena mill-Bosnia u li jgħix il-Gżira qal li mhux ħati għal dawn l-akkużi miġjuba kontrih. Il-vittma xhed u rrakkonta kif fil-lejl tal-inċident kien qiegħed fi stabbiliment ma sieħbu u għall-ħabta tal-4am, l-akkużat talbu biex joħroġ mill-istabbiliment .

Wara li ħarġu u mxew madwar 20 metru, l-vittma qal li l-akkużat xarrabblu daqqa ta’ ponn f’għajnejh ix-xelluġija. Huwa spiċċa rikoverat l-isptar u waqt il-jiem li għamel hemm, fittex xi ritratti fuq facebook tal-istabbiliment u kien minn hemm li għaraf lill-akkużat.

Il-vittma jinħtieġlu li ssirlu operazzjoni f’għajnejh iżda biex jagħsal sa pajjiżu se jkollu jmur bil-katamaran sa Sqallija u jsuq il-bqija tat-triq bil-karozza minħabba li ma jistax juża l-ajruplan fil-kondizzjoni li qegħda fiha għajnu.

Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest, iżda l-prosekuzzjoni oġġezzjonat għax qalet li l-akkużat huwa barrani u jista’ jaħrab mill-pajjiż. Il-Qorti laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €10,000  filwaqt li l-akkużat irid jiffirma kuljum fl-għassa ta’ Tas-Sliema, ma javviċinax lix-xhieda u ma jersaqx lejn Paceville.