Ta’ Charlie Hebdo jaħfru lit-terroristi li qatlulhom il-kollegi

Fil-faċċata tal-edizzjoni ta’ din il-ġimgħa tar-rivista satirika Franċiża Charlie Hebdo tpoġġiet karikatura tal-Profeta Mohammed iżomm tabella bil-kliem Je suis Charlie.
Fuq il-karikatura hemm il-kliem “Kollox maħfur”.
Din id-darba, se jinħarġu mill-inqas miljun kopja tar-rivista satirika, minflok is-60,000 tas-soltu, u l-qligħ mill-bejgħ tagħha se jmur għall-familji tal-vittmi.
Il-ġimgħa li għaddiet, ribelli Iżlamisti daħlu fl-uffiċċju tar-rivista f’Pariġi u qatlu 12-il persuna.
B’kollox f’temp ta’ tlett ijiem ta’ terrur fil-kapitali Franċiża tilfu ħajjithom 17-il persuna. Fl-Iżrael, se jsiru l-funerali tal-erba’ vittmi Lhud.