Ta’ 98 sena tgħix f’dar tal-anzjani biex iddur b’binha

Ritratt: Liverpool Echo

Storja li qed iddur fuq il-mezzi soċjali hija dik ta’ anzjana ta’ 98 sena minn Liverpool u turi kif l-imħabba ta’ omm hi waħda li ma tispiċċa qatt.

Ada Keating għandha 98 sena u hija minn Huyton, f’Liverpool.

Binha Tom qatt ma żżewweġ u baqa’ jgħix magħha. Illum għandu 80 sena.

Aktar kmieni din is-sena huwa ddaħħal fid-dar tal-anzjani f’Moss Care minħabba li kellu bżonn aktar attenzjoni u għajnuna.

L-omm u binha għal snin twal kienu inseparabbli u kienu jqattgħu ħafna ħin jilagħbu xi logħba jew isegwu flimkien il-programm favorit tagħhom Emmerdale.

“Kull filgħaxija kont nidħol f’kamartu biex intih il-lejl it-tajjeb, u filgħodu mmur insellimlu u nawguralu l-jum it-tajjeb. Imbagħad ngħajjatlu għall-kolazzjon. Qatt ma tieqaf tkun omm!” ikkummentat hi.

Ada hija armla u flimkien ma’ żewġha Harry kellha erbat ulied, b’waħda minnhom illum m’għadhiex magħna. Tom baqa’ jgħix magħha, jieħdu ħsieb lil xulxin.

Ritratt: Liverpool Echo / Jason Roberts

Iżda meta Tom iddaħħal fid-dar tal-anzjani, l-omm baqgħet tinsisti li tidħol hija wkoll għax riedet iddur b’binha wkoll u finalment Philip Daniels li jmexxi din id-dar ħass li kellu jakkomoda wkoll lil omm.

“Huma inseparabbli,” ikkummenta hu, waqt li hu żied li l-istorja tagħhom hija każ rari ta’ żewġ persuni li qed jippruvaw igawdu kemm jistgħu l-kumpanija ta’ xulxin filwaqt li huwa aċċenna l-impenn tal-omm li f’ħafna mumenti ddur b’Tom

L-imħabba ta’ omm tassew li ma tmut qatt!