Ta’ 9 snin iġemma’ l-flus biex jitma’ lill-klieb

Ken Amante, tifel ta’ disa’ snin mill-Filippini, dejjem kien inkwetat jara klieb imweġġgħa u madwaru, ikunu kif ikunu. Dan it-tifel kien jitlaq mid-dar tiegħu kuljum u jieħu miegħu backpack bl-ikel u kien jisparixxi għal siegħa.

Il-ġenituri tiegħu saru kurjużi dwar dak li kien qed jagħmel binhom u għalhekk iddeċidew li jsegwuh. Huma sabuh qed jitma’ l-klieb mitluqin jiġru barra, b’uħud minn dawn l-annimali milquta minn kundizzjonijiet fil-ġilda li anki bdew jitilfu l-pil. Iżda Ken ma kienx jimpurtah għax dawn kellhom bżonn l-għajnuna tiegħu u hu kien jgħinhom.

Ken kien juża l-flus li kienu jagħtuh il-ġenituri biex jixtri l-ikel għall-klieb. Kien b’dan il-mod li ta’ kuljum seta’ jagħtihom x’jieklu.

Missier Ken ħadlu xi ritratti jitma’ l-klieb u poġġiehom fuq il-midja soċjali. Wieħed mir-ritratti juri lil Ken li jitma’ tlett iklieb li kienu f’kundizzjoni kerhaġilda u l-għadam. Maż-żmien tahom isimhom: Brownie u Whitey u l-ikbar kelba, li hu ħaseb li kienet ommhom, Blackie.

Ken qal li: “Attwalment dejjem kont inħobb lill-annimali, anke meta kont żgħir. Il-ġenituri tiegħi qaluli li qabel ma stajt nitkellem, diġà kont norqod mal-qattus ta’ missieri, Hajime-kun. Hajime-kun għandu issa 14-il sena u għadu magħna.”

Ir-ritratti tat-tifel ċkejken ġrew fil-midja soċjali madwar id-dinja u bdew jidħlu donazzjonijiet biex ikun jista’ jkompli jitma’ lil tant klieb li għandhom bżonn min jieħu ħsiebhom.